Niftakar meta kienet tkun ġurnata bħal-oħrajn tas-Sajf,
li kont nsib ruħi fil-Pjazza ta’ Sant’ Anton tax-Xagħra, mdawwar ma bosta tfal
oħra naraw x’ser nivvintaw għal dakinhar.
Il-ġranet sħan u tal-qtugħ ta’ nifs, ma kienu jwaqqfu xejn mil-pjanijiet
li kienu jiġu f’moħħna.
Bħal bosta drabi minn dawk il-vaganzi twal, meta
il-ġemgħa ta’ tfal kienet tkun mdaqqsa mhux ħażin, għid li x-xorti kienet taqa
fuq il-klassika noli. Noli... li
f’postijiet oħra kienet tkun logħba ħelwa u t-tfal jieħdu pjaċir darba
jistaħbew, u d-darba ta’ wara jfittxu lil sħabhom. Dan kollu ma kienx l-istess f’dik
il-pjazza. Hemm ir-regoli tal-logħba
kienu jiġġebbdu wisq aktar mic-chewing gum ta’ xi artist amerikan fil-films, u
n-numru ta’ tfal kien kważi diffiċli li tgħoddu.
L-logħba kienet tibda normali, li naqtaw x-xorti sabiex naraw
min ser jibda’. Bil-kontra ta’ drabi
oħra, kien ikollok msarnek f’saqajk u titlob lix-xorti tiġi favurik u ma taqax
fuqek. Dan peress li fuq min taqa’ dik
ix-xorti (jekk trid issejħilha xorti) kien pratikament jieħu t-titlu ta’
miskin. It-tifel jew tifla li jkun
imissu jfittex ried l-ewwel u qabel kollox jiftakar kemm hemm tfal
fil-logħba. Uġiegħ ta’ ras waħidha! Kif ser tiftakar dawk it-tfal kollha, li
probabilment lanqas kont tkun taf isimhom?
Kif ser tkun taf jekk hux qed jilgħab fuq kollox, jew inkella hux xi
tifel ieħor għaddej għal riħu fuq xi ħaġa oħra?
Ejja... x-xorti din id-darba ma missetx lili. Miss tifel ieħor, li minn għajnejh kont
tintebaħ li minn moħħu beda għaddej dak kollu li għadni kif semmejt, u waqt li
jibda’ jħokk il-qurriegħa ta’ rasu bit-tħabbil ta’ rasu minn fejn ser jibda’,
l-oħrajn kollha jibdew jaħsbu fejn ser jitfaw denbhom sabiex ma jsibhomx.
Dar wiċċu mal-ħajt... naqra daqqa fuq dahru li minnha
jipprova jaqta’ minn missu ħalli naraw kemm il-‘miskin’ ried jgħodd sakemm
nistaħbew kollha. Tletin... tlaqna...dur
u ibda’ għodd.... wieħed...tnejn...tlieta...
U t-tfal l-oħra żiffa riħ, kulħadd beda jiġri mal-pjazza
kollha qisna wirdien minn taħt xi kaptella taċ-ċimiterju, nħufu u nfittxu post
li idealment ma jkun ħadu ħadd qabilna.
Ġiri sparat qabel ħaddieħor, u jien magħhom.
Il-ġirja li ġrejt bla nifs niftakarha sew, kif niftakar
sew, li kif wasalt mal-kantuniera sibt roqgħa żrar....u..... xpruuuum buuum!
Tkaxkira tal-Bambin....tkaxkira t-tul tal-isqaq qisni
l-aqwa karozza tat-tlielaq li tilfet il-kontroll. Mgħaffeġ kif kont għal tuli mal-art, mgħawweġ
bl-uġiegħ u miksi taħlita ta’ trab u dmijja, kull ma naf li smajt huwa biss
dan...
Disgħa u għoxrin.... tletin.... ara ġej... haw... one,
two, three....il-Malti tan-nuċċali!
Comments
Post a Comment