Niftakar meta kif kien jibda joqrob is-Sajf, kienu jibdew jaslu fostna turisti partikulari. Turiżmu fi tfuliti ma kienx is-sena kollha, u bosta kienu jistennew is-Sajf bħal manna, għax kienu l-unika xhur fejn setgħu jaqalaw lira żejda.
Fost dik li għalina kienu żmien tad-deheb, u fl-eta' żgħira tagħna konna nitħajru ukoll, u mhux l-ewwel darba li konna nsibu xi ristorant u nintefaw fti nofstanari bħala wejters, lesti nservu xi bibita friska li xi turist.
Turisti asjatiċi bilkemm kont tara, u jekk kont tara kien xi Ċiniż li kien hawn bosta jaħdmu fuq il-Baċir. Xi turist bil-karnaġjon samrani ma kont tara ħlief forsi xi baħri Amerikan kollu muskoli warrablu minn hemm. Sa dak iż-żmien s-suwed, jekk irridu nsejħulhom hekk, konna narawhom biss fuq it-televixin jew xi Malti li jaħdem fix-xemx minn filgħodu sa filgħaxija.
Pero, fost dawk li kienu jiġu bil-ħafna, fuq din id-daqsxejn ta' blata kienu dejjem turisti ingliżi, li bosta minnhom kienu għadhom jiftakru l-imkejjen kollha tal-gżira ta' meta kienu qed jaħdmu mas-servizzi militari sa l-aħħar tas-snin sebgħin. Turist hekk kont tagħrfu minn seba' mili 'il bogħod... aċċent ingliż (jista' jonqos), qmis pulita, bermuda umbad jitfalek par flipflops bil-kalzeti bojod, daqs li kieku għadu jrid jidher quddiem xi ammiral tan-Navy Ingliża. Tarah jdur u jħuff fl-akwati fejn kienu l-barracks, jew inkella f'xi żoni fejn kien imur jinnamra ma' xi tfajla Maltija, u jiftaħar ma kull min jara li l-post jafu sew!
Umbad kien ikollok dak t-turist li issa kiber fl-eta' u kien jiġi Malta għax kienet kwieta. Qmis miftuħa u żaqq minfuħa qisu mara waslet lejn l-aħħar xhur tat-tqala. Wiċċu aħmar nirien bix-xemx li jkun ilu jaqla' fuq xi deckchair mit-tmienja ta' filgħodu. Kont tinduna bih minn kantuniera bogħod mir-riħa taqsam ta' krema tax-xemx bit-tama li jipproteġi l-ġilda, meta qajla konna nifhmu xil-imniefaħ qed idellek ma wiċċu u jitrasforma ruħu f'persuna bajda aktar milli kien. Minn naħa l-oħra kont tilmħu mdawwar b'xi għoxrin flixkun kannella skur taċ-Cisk, ilegleg wieħed wara l-ieħor u jpatti għal meta lura pajjiżu ma setax jikkonsma alkahol barra l-Pub jew inkella jekk ser jsuq, għax sa dak iż-żmien dik ukoll konna għadna ma nafux x'iġifieri breathalyser.
Fost it-turisti nisa kont tilmaħ dawk li fejn il-baħar kienu jqaċtulek l-iżgħar bikini, probabilment isfar jgħajjat li kien jixgħel bajja sħiħa, fejn ġuvintur Maltin iħarsu lejha bil-pika ta' min ser jgħabbiha l-ewwel u jqatta Sajf ma dik il-bjonda! Fost il-folla kienet tispikka għax in-nisa Maltin kienu dejjem ftit aktar mibrumin, malja sħiħa u mhux bikini, u fosthom dejjem kont issib xi waħda trodd is-slaleb għax b'dak il-bikini żgħir żgur ser tispiċċa titlef ruħha!
L-istess tfajla wara s-sħana ta' bi nhar, ma naqra żiffa ta' filgħaxija kienet tiksaħ, u erħilha tixtri xi flokk tas-suf minn xi souvenir shop meħjut bl-idejn b'riħa ta' moffa u boċċi tal-kamla tax-xitwa ta' qabel.
Msomma, fost dawk il-bosta turisti, konna nkunu hemm aħna, lest inservu Ċisk ieħor lil ingliż, nisimgħu xi rakkont tal-baħri Amerikan, u fuq kollox nitbissmu lejn it-tfajla tal-bikini isfar.... fuq din, erġa rodd is-salib!
Comments
Post a Comment