Ħarġa ma' tal-iskola.... erġajna Ħaġar Qim!

 


Niftakar meta fi żmien tfuliti, fl-iskola Primarja ta' Raħal Ġdid, kienet spiss tiġi l-għalliema u b'ċerta ħeġġa kienet tgħidilna li l-ġimgħa ta' wara kien ser jkollna ħarġa oħra ma' tal-iskola.  L-eċitament li kien jibda' għaddej fil-klassi kont ixxebbħu daqs dak tar-rebħ tal-aqwa kampjonat.... dan sakemm issemmilna fejn ser mmorru... Ħaġar Qim u l-Imnajdra!

Mhumiex postijiet koroh, anzi, pero' din kienet tkun ukoll mil-inqas is-sitt darba li konna nkunu sejrin dawk in-naħat ta' Malta.  Konna drajna li jkollna l-ħarġiet, imma din li nerġaw immorru naraw dawn it-tempji kienet spiċċat xi ħaġa ta' rutina.  L-unika pjaċir kien spiċċa l-fatt li ser nifrankaw ġurnata skola.

Mil-iskola konna mmorru d-dar b'xi nota miktuba fil-pitazz sabiex tiġi iffirmata mil-ġenituri.  Man-nota iffirmata konna nieħdu magħna xi nofs lira (jekk mhux inqas) bħala ħlas għat-trasport.  Ta' kull sena kien dejjem jibqa' xi tifel jew tifla l-art, u dak iż-żmien li ma kelliex idea ta' valur tal-flus ma kontx nifhem kif familja ma kienetx taffordja tħallas dik il-ħarġa.  Sfortunatament dawn kienu jibqaw l-iskola ma' xi klassi oħra!

Il-Ħarġa kien ikollha r-regoli tagħha.  L-għalliema kienet tqassamna f'koppji, u jien l-ewwel wieħed kont nkun qed nistenna bil-ħerqa ma' min kont ser nkun abbinat.  Ħafna drabi kien ikun xi ħabib tiegħi, u l-mistħija kienet taqa' kollha meta kont nispiċċa ma' xi tifla li kien ikolli ftit grazzja magħha.  Taf int, dejjem kien ikun hemm dik il-waħda li tispiċċa aħmar nar għax dan kollu tħares lejk jew tkellmek għal aktar minn ħames sekondi!

Il-vjaġġ kien ikun fuq xi private mikrija tal-okkażjoni.  Burdell sħiħ u konna nagħmlu vjaġġ sħiħ ħafna kant, daħk u għajjat.  Il-mina ta' Ħal Kirkop kulħadd kien jibda' jwerżaq daqs li kieku dħalna xi mina għal infern, u kif noħorġu minnha dejjem kien jispiċċa xi ħadd jibki għax f'dak id-dlam ġebdulu xagħru jew widnejh.

Ftit ftit, konna naslu Ħaġar Qim, diġa nafu bl-amment x'ser naraw, u fuq xiex ser jkellimna.  L-entużjażmu kien biss jasal meta fl-aħħar l-għalliema kienu jgħidulna li nistaw nintefgħu bil-qiegħda għal kwiet nieklu xi ħaġa.... xi kwiet, kwiet.

Min joħroġ il-lunch box, min il-flixkun bil-meraq tal-larinġ b'aktar riħa ta' qrusa u plastik, u min xi pakkett bourbon nofsu mkisser bit-tisbit tal-basket.  Umbgħad kien jibda' l-ġiri ma' dak il-post kollu.  Minn jixxabbat minn hemm, u min minn hawn.  Xi tkaxkira ma kienetx tonqos, u fuq kollox xi bikja għax qatta' l-qalziet jew għax qabdu pipi u qed jibża li jaħrablu!

Msomma, wara ġurnata ta' żabil u kull ħaġ'oħra, konna nibdew it-triq lura, u fit-triq l-għalliema kienet tgħidilna li għal homework, ridna nagħmlu komponiment fuq dik il-ħarġa u kull ħaġa li rajna u għamilna...

....ħalli f'idi Miss.... kemm insib l-komponiment tas-sena l-oħra... la erġajna morna Ħaġar Qim!


Nota: Dan il-blogg ġie mnebbaħ mil-memorji li qedin jġedduli ħafna mil-ħbieb antiki tal-Primarja, li permezz tal-mezzi soċjali qed jirnexxielna nerġaw niltaqaw mil-ġdid!

Comments