Niftakar meta l-klikka kienet tgħid illum immorru nieħdu gost, kien ifisser li sejrin nduru dawra bil-but vojt umbad naraw x'jolqotna. Ma kienx ikollna flejjes kbar fil-but, u ħafna drabi fil-but kont issibilna biss ftit muniti.
Kbirna ftit ieħor u l-flus fil-but żdiedu ħarira aktar minn qabel, għax issa bdew jarawna ġuvnotti żgħar. Ituk xi ħaġa pocket money u jgħidulek ibża għalihom u ttajjarhomx mar-riħ. Dan kien ifisser li kull ċenteżmu konna nonfquh bis-sens u bi ħsieb, u titlef xi munita minnhom kienet ittik rasek... jisirqulek waħda minnhom kienet gravi!
Bħal ma kien jiġri spiss dawk iż-żminijiet, bdew joħorġu avviżi li kien hawn fiċ-ċirkulazzjoni muniti tal-Lira foloz. Waqt li in-nies kienet diġa bdiet tispekula r-raġunijiet (politiċi u mhux) il-għaliex hawn flus foloz fl-idejn, il-Malti inġenjuż malajr sab mezz kif jaraf munita falza minn waħda tajba.
Dan wassal biex ġenerazzjoni sħiħa ta' nies, inkluż diversi negozji, beda jkollhom kalamita fil-but jew ma ġenb il-cash register, biex jekk din il-munita teħel, mela allura hija munita ġenwina. Sempliċi, pratikament Malta kollha fehemet il-kunċett.... teħel mela tajba...ma teħilx mela falza... kulħadd ħlief Pawlu.
Pawlu, twajjeb kemm kien twajjeb, kellu rasu taż-żonqor, u jekk kien jidħollu ħsieb, għid lanqas jekk jiġi l-Papa nnifsu ma kien jikkonvinċih li qed jgħid ċuċata. Konna nafu b'dan id-difett tiegħu, u tal-eta li konna għid li din il-ħaġa dejjem spiċċat f'xi ċajta tal-ġimgħa. Qed ngħid ċajta tal-ġimgħa għax ma kienx jilħaq jasal it-Tnejn wara tmiem il-ġimgħa li ma jagħmilx praspura oħra, u titla' fil-quċċata tal-klassifika fil-bosta fares li konna nagħmlu.
Mela din il-famuża Lira falza,...mela dan Pawlu fettillu din it-teorija tal-kalamita fehema totalment bil-kontra. Daħħalha f'rasu li jekk il-munita teħel mela falza u jekk ma teħilx hija tajba. Ma kienx ilhu wisq b'dan il-ħsieb, li kif konna kollha, mar jixri u ħareġ żewġt liri għal ħlas, u tal-ħanut kif xieraq taħ il-bqija...dritt fil-but u qabad jiekol. Fuq tal-linja konna pronti staqsejna lil Pawlu jekk iċċekjax il-bqija, ma jmurx bela xi lira falza. Dlonk ħareġ il-bqija, u ħareġ kalamita ċkejkna maqluha minn xi apparat antik... weħlet mil-ewwel... "... u ż-ż***....bellaħħili.... ja muqran li hu!", smajnieħ fil-pront jeqred, waqt li kien għadu jomgħod il-pastizzi li xtara.
Fost id-daħk tagħna, għax qed nindunaw li t-teorija ta' Pawlu kienet rasha l-isfel, komplejna nzikuh kif miż-żewġt liri li kellu spiċċa tilef nofsha.... "Immur ngħidu.... żgur immur ngħidlu!"...kompla jaħlef dan l-imbierek Pawlu.
Dakinhar naf li morna sa Baħar iċ-Ċagħak ħalli niltaqaw ma oħrajn u nirkbu l-vann għal post ieħor, u mal-wasla hemm żaqq Pawlu reġgħet bdiet tgorr, din id-darba għal ġelat mil-gabbana tal-viċin. Ġelat minn dawk il-kbar kollu smarties u karawett. Il-muniti li kellu ma kienux biżżejjed, u ħareġ ħames liri. Kif ħa l-bqija, għal darboħra dritt fil-but. Ġelat tista tgħid sparixxa f'leħħa ta' berqa, u f'kemm ili ngħidlek spiċċajna fil-vann ma' l-oħrajn. Għal darboħra staqsejna lil Pawlu iċċekkjax il-bqija. Bl-istess ritwal ta' qabel, din id-darba sab żewġt muniti li weħlu, u li għalih allura kienu foloz. "Il-Madunna....ħxi*** ġixx liri dak il-qanfud mgħarraq f'demmu!!" Erġajna latanija sħiħa li jrid sodisfazzjon għal min fi spazju ta' ftit ħin fottewh (skond hu) tliet liri b'kollox. Flus kbar għal dak iż-żmien imbgħad aktar.
Msomma għamilna ġurnata nduru u kultant infakkru dan povru Pawlu fuq li għamlulu. Ma kull sentenza risposta kien iżarrat xi waħda, u aħna iktar ninfaqgħu bid-daħk. Baqa' deċiż li kif jasal il-Belt imur għas-sodisfazzjon u biex jieħu flusu lura kif suppost.
Immaġġinaw intom il-ħarsa tiegħu kif dar lejna u l-espressjoni fuq wiċċu kif induna kemm waqa' għan-nejk u tul dik il-ġurnata kemm dħakna bih u bit-teorija rasha 'l isfel tiegħu.
U din it-teorija baqgħet assoċjata ma' Pawlu tagħna, tant li meta konna naraw xi ħanut partikulari, konna spiss ngħidulu..."Ara Pawl.... Kollox Lira dan!"
"Għo** raskom!"... kienet spiss tkun ir-risposta f'waqtha tiegħu.
Tajba din. Mhux ta b' xejn dhaqtu
ReplyDelete