Niftakar sew li l-isfida kienet waħda ċara ħafna. Biż-żmien konna sirna żewġt klikek li f'kull ħaġa li nagħmlu għid ser nispiċċaw nisfidaw lil xuxlin. Min ser jlesti ix-xogħol tal-klassi l-ewwel, min ser jilħaq jasal it-tuck shop qabel l-ieħor... msomma ftit minn kollox. Din kien jonqos...li xi ħadd jisfidana li fil-futbol ma konniex tajbin.
Ma konniex xi stilel tal-futbol, u wisq inqas leġġendi, pero l-futbol kien fid-demm. Konna klikka mħallta u uħud minna kienu mil-akwati u b'xi mod dejjem iltqajna u nsegwu din il-passjoni tagħna. Kull logħba konna nsegwuha minn fuq ir-radju, jew fuq dak li jiktbu il-ġurnali. Il-gowls konna narawhom ġimgħa wara fuq il-Big League Soccer li kien jintwera fuq Xandir Malta, jew inkella 90 Minuto fuq ir-Rai. Kull Tazza tad-Dinja konna niftħu l-karus u b'dak li ġemmajna konna nixtru kaxxa stickers ħalli nagħqdu l-album żgur. B'dan kollu f'moħħna, sfida f'logħba futbol kienet xi ħaġa aktar minn personali.
Dakinhar naf li ltqajna fi triq mwarba in-naħa t'isfel tal-Fgura. Lasti hemm ma kellniex, allura rranġajna b'xi kantun mitluq fit-triq u affarijiet oħra, xi basket jew xi ħaġa basta timmarka il-wisa' tal-lasta. Tfal konna bl-eżatt. Jekk iweġġa xi ħadd minna għid għandek logħba b'xi ħadd inqas.
T-tqassin tat-tim kien sempliċi ukoll. L-eħxen tifel dejjem kien jispiċċa fil-lasta. Qisha kienet miktuba fuq moħħu miskin, li la n-natura kabritu, mela ġismu kien magħmul li jagħlaq l-lasta kemm jista', mela r-rwol tiegħu kien indiskuss.
D-drawa kienet li min iġib il-ballun kien jagħmel r-regoli. F'dan il-każ, kienet tiġi sekondarja dik il-ħaġa. Jekk ħadd ma kien iġib ballun, mela allura kull ħaġa tonda jew li tista' tiġi xxuttjatha, dik kienet issir il-ballun għal dakinhar. Regoli konna nagħmlu mhux ħażin, pero imbgħad tul il-logħba dawn ir-regoli kienu jiġġebdu u jitgħawġu aktar minn chewing gum f'ħalq xi baħri Amerikan.
La sfida r-regoli kienu aktar ħorox. Referee ma kienx jeżisti (bħal dejjem), pero Penalty kien jissejjaħ biss meta t-tifel li jaqlaha ġo siequ kien jsir vjola bl-uġiegħ jew naraw xi sinjali ta' demm ma saqajh. Il-bqija, il-logħba kienet tibqa' għaddejja.
Il-bqija regoli tas-soltu... min jixxutja ballun 'il bogħod irid iġibu hu.... għoli tal-lasta skond kemm hu twil il-gowler u fuq kollox qabel jgħajja kulħadd il-logħba ma tispiċċax.
Dakinhar kienet aktar mis-soltu...sfida kontinwa li mil-ewwel azzjonijiet kienet tidher li logħba taħraq. Ħassejnieha kollha kemm aħna, u tista tgħid kollha b'xi mod missejna x-xibka... li fir-realta' ma kienetx teżisti.
Tant kienet sfida taħraq li tlifna l-kont tal-ħin u fuq kollox ta' l-iskor. Naf li nqala argument jaħraq sew bejn tlieta minna, tant li wieħed xengel idejh waħda tajba u spiċċat f'għajn ieħor. Minnufih intefa' fl-art mgħawweġ bl-uġiegħ f'għajnu l-leminija li f'ħakka t'għajn bdiet tbiddel il-kulur minn ħamra għal vjola fl-iswed. L-argument fuq min rebaħ dik l-isfida dam għaddej, u l-povru baqa' jafas għajnejh u jokrob mal-art.
Snin wara bosta mil-protagonisti ta' dakinhar, konna erġajna ltqajna b'kumbinazzjoni u ovjament l-arugment reġa waqa fuq dakinhar. Min jiftakar dettal u min jiftakar ieħor, u l-istess ir-riżultat kulħadd beda jdawwru favurih anke wara dawn is-snin kollha.
L-unika riżultat indiskuss kien il-blackeye ta' sieħbi... dik jiftakarha ċara kulħadd, speċjalment min qalaha, imma fuq kollox sal-llum il-ġurnata għadna ma nafux kienetx apposta jew bi żball.
Comments
Post a Comment