Kaxxa kuluri!

 


Mela ftit tal-ġranet ilu bdejt inqalleb ġo kaxxa mimlija mbarazz u fost il-ħafna affarijiet li sibt kien hemm kaxxa kuluri tax-xemgħa.  Kaxxa sempliċi bi stampa ta' Panta mpenġija fuqha, u kliem biċ-Ċiniż li għadni s'issa ma nafx xi jfisser.  Kaxxa li għalkemm għadda ż-żmien minn fuqha tant li kienet msewwija bi ftit tejp f'kull kantuniera, irnexxielha iġġeddidli ħafna tifkiriet.  Kif ftaħtha ħarġet riħa taqsam ta' xemgħa u quddiemi lmaħt sett kuluri kollha b'surthom differenti, u kont tintebaħ li għaddew minn bosta affarijiet.  Mingħajr ma ridt erġajt ftakart fiż-żmien meta kont nużahom, u saħansitra il-ġurnata li xtrajtom.

Niftakar meta fl-ewwel ġranet tal-iskola konna nieħdu magħna lista ċkejkna ta' dak kollu li kien ikollna bżonn għal sena skolastika ġdida.  Bħat-tfal tal-llum kien ikollna l-entużjażmu li mmorru nixtru kollox ġdid mingħand l-eqreb ħanut, li fil-Fgura kienu ftit li xejn u tgħoddom fuq s-swaba ta' idejk.  Pero fi tfulitna, l-affarijiet ma kienux daqstant sempliċi.  Fejn stajna, konna nużaw l-affarijiet li kienu għadhom tajbin mis-sena ta' qabel.  Covers tal-pitazzi, ridt tara kif tlaqqat ta' qabel, label ġdida u suq ħa mmorru.  Lapsijiet.... daqqa tajba ta' temprina, ponta tajba, mela allura jiflaħ sena oħra... kumpass... naqra żejt minn tal-magna Singer... jerġa jaħdem sew...mela ibqa' bih għax għandu jservik.  Pero' darba minnhom ridna kaxxa kuluri tax-xemgħa... dik ma kelliex.. mela allura ridna nixtru waħda.

Morna għand tal-ħanut fin-niżla ta' Triq San Mikiel.  Ħanut ċkejken u li fih kont issib minn kollox.  Hemm forsi kont tilmaħ ukoll uħud minn sħabek, u l-fatt li tkun fil-ħanut kont tħossok mimli daqs li kieku qiegħed hemm biex tixtri l-aqwa karozza mhux sempliċiment kaxxa kuluri.

Kif kien imiss lilna tlabnieh x'kellu kuluri tax-xemgħa.  Għażla ftit kien hemm, u ditti partikulari ukoll ma kellekx xamma tagħhom.  Ħareġ kaxxa, ditta ċiniża bil-Panda fuq quddiem.  Kuluri li kellek bżonn kienu hemm...skjerati fejn xuxin qishom s-suldati tar-Reġina... ġodda fjamanti.  L-unika għażla li kellek, jew dik jew xejn!  Fi ftit kliem... xtrajniha.

Kelli bokka ta' sorm sew b'din l-imniefaħ ta' kaxxa ta' kuluri.  Bdejt nużahom ftit, bi skuża li jekk ma jaħdmux (kif trid ma jaħdimx kulur tax-xemgħa!!) immorru lura bihom, u ma' kull linja fuq il-karta kont ixxomm dik ir-riħa taqsam ta' xemgħa.

L-għada niftakar mort l-iskola, u kien il-jum li ridna mil-ewwel nagħmlu użu minn dan is-sett ta' kuluri.  Kif l-għalliema talbitna noħorġu l-kuluri, jien bil-puppaġni kollha mort dritt biex noħroġ il-kuluri tal-Panda... għax dik il-kaxxa ġdida tiegħi MA KELLU BĦALHA ĦADD!

Hux ma kellu ħadd hu.... tliet kwarti tal-klassi ħarġu mil-basket l-istess sett ta' kuluri, u kulħadd spiċċa jqabbel il-kaxxa għax biex taxxaq kollox hemm skoprejt li kien hemm almenu ftit tal-għażla, imma fuq l-istampa ta' quddiem.  U fejn sħabi kollha għażlu xi żiemel b'saħħtu....jew xi tigra feroċi, jew iljun li kont tistħajlu ħiereġ mil-istampa...jien spiċċajt b'kaxxa bil-ħarsa ta' Panda li minn fommu kont biss tistennih ser jitfalek xi bewsa ċkejkna u ħelwa!

Issa pprova insa' l-Panda.... u iffokka fuq it-tpinġija għax dik l-importanti.  Sadatant, il-kaxxa tal-kuluri tfajta f'post fil-vettrina, għax issa dak il-Panda u l-kuluri ta' ġewwa saru parti minn nostalġija tiegħi!

Comments