Niftakar li kien tassew żmien ieħor, fejn l-affarijiet kienu ħafna differenti. Is-safar għad li kien hawn mezzi kif, ma kienx daqstant popolari, jew inkella xi ħaġa tal-massa. F'Malta, s-sitwazzjoni kienet li kienet, u ta' tifel li kont xejn ma kien jinteressani s-sitwazzjoni politika, pero naf li għiexta. Mhux l-iskop ta' din it-tifkira lanqas li nidħol fl-aspett ta' min kien fir-raġun, u min kien fit-tort. Hi x'inhi issa saret parti mil-istorja. Pero, dan ir-rakkont kien fl-eqqel ta' dawk iż-żminijiet, li jirrakuntahom min jirrakuntahom, jien ser ngħidhom mil-lenti ta' tifel żgħir mqareb li kien jieħu kollox bil-logħob.
Kif semmejt, is-safar ftit kienu dawk li kienu jmorru għalih, u apparti l-ajruplan kien popolari ħafna mal-Maltin il-vapur Tirrenia jew inkella l-Għawdex (tal-Gozo Channel) li kien jagħmel vjaġġi diretti għal Sqallija. Ta' kull ġimgħa konna ninżlu x-Xatt r-Risq, in-naħa tal-Birgu, u nistennew dan il-vapur Tirrenia isorġi mal-moll u minn hemm jibdew nieżlin kull min kien jiġi lura minn dik il-ġenna. Dak iż-żmien qajla kelna fejn immorru, allura li ninżlu s'hemm u naraw dak il-moviment ta' karozzi bin-nies telgħin u nieżlin kienet fiha nnifisha ħarġa ukoll.
Sqallija dak iż-żmien ħafna kienu jarawha bħala ġenna tal-art.... min għal prezzijiet, min għal kwalita', min għal għażla wiesa ta' affarijiet u min għal kien iħobb jixtri bil-goff. Malta dak iż-żmien kien għadu żmien iċ-ċikkulata Desserta, il-Pepsodent, iż-żraben tas-Soldini u sapun tal-Fa. Sqallija kellek aktar għażla, u dan kienu jafuh bosta Maltin li kienu jmorru jixru minn hemm.
Kien żmien ieħor li meta ssiefer, int u ġej lura ridt tiddikjara mal-uffiċjali tad-Dwana dak kollu li kont xtrajt, infaqt u dak li kont ser iddaħħal lura miegħek f'Malta. Fejn ma kienx jemmnek, jew jidħollu xi dubbju, kien jiftaħlek il-bagalja u jibda' jdawwar idejh ħalli jara xi jsib 'suspettuż'.
Hawn kienet tibda' l-kapaċita' tal-Maltin, sabiex f'dak il-mument joħorġu l-kapaċitajiet teatrali ta' kull wieħed u waħda li kienet tgħaddi minn dak il-post.
L-affarijiet ġodda li konna nixtru konna naqlawlom kull tikketta possibli, u nitfawhom fil-bagalja daqs li kieku kienu ħwejjeġ użati dritt mil-gwardarobba tad-dar. Jekk xtrajna xi borża ċikkulata tajba.... dik kienet tinħeba fil-qiegħ tal-bagalja! Il-ħwejjeġ ta' taħt u kalzetti b'xi riħa taqsam ta' ġimgħa mixi, kienu jintefaw fil-wiċċ, bit-tama li l-uffiċjal tad-Dwana jitpeċpeċ jew inkella jistordi bir-riħa tagħhom u l-ispezzjoni tiegħu tkun waħda qasira.
Imma apparti dawk ġenwinament ġejjin lura minn Sqallija b'xi basket żgħir, kien ikollok dawk li jaraw kbir. Karretta mimlija sa ruħ ommha, b'bagalja waħda fuq l-oħra qishom t-torri ta' Pisa, jixxenglu minn naħa għal oħra bil-piż. Magħhom kont tara xi tgeżwira tajba li minn seba' mili 'l bogħod tkun taf li hi xi linfa tal-kristall, u xi kaxxa mdaqqsa mimlija borom ta' kull qies u għamla, ma' xi sett frieket u skieken u mitt platt u tazza. Msomma, dak kollu li ridt għad-dar, u li forsi f'Malta jew ma kientx jeżisti, jew ma kienx bil-prezz li sab hemm.
Fost dak il-ġenn ta' iċċekjar ta' bagalji, kont dejjem issib lil xi ħadd għaddej serju, u għalkemm mobbi sa ruħ ommu, u bilkemm jara fejn kien għaddej, kien jibqa' sejjer dritt dritt miż-żona tan-Nothing to Declare, daqs li kieku tela Sqallija, u li kull ma niżżel miegħu kien xi kuruna tar-rużarju jew ftit ilma mbierek mis-Santwarju ta' Sirakuża.
U malli l-uffiċjali tad-Dwana kienu jagħmlu xogħolom u jwaqqfuh, kienu jibdew l-iskużi... jew ħa żball fil-ħruġ.... li ma xtara xejn (għad li dak kollu li kellu kien ser jaqa' kollox fuqu).... mhux qed jifhem għaliex twaqqaf.... u bejn bikja finta' u xi taptipa fuq l-ispallejn tal-uffiċjal, ftit ftit kont tara spettaklu uniku u divertenti, ta' kif il-Maltin jibqaw speċjali u uniċi fil-ġeneru tagħna... u aħna?
Aħna, konna nibqaw hemm Xatt ir-Risq naraw dak kollu taħtna, sadatant konna nieklu xi ħobża biż-żejt magħmula d-dar, u ftit squash mħallat bl-ilma... għax dak żgur ma kienx ser jgħidilna xejn tad-Dwana!
Umbgħad jgħidu li t-Teatru beda fil-Greċja....hux Greċja... beda f'Malta u bil-Maltin, zgur Alla!
Comments
Post a Comment