Kien tassew żmien ieħor, u kien tassew ukoll li f'kull sitwazzjoni konna nsibu biex nidku daħka tajba. Niftakar sew il-klikka li kont magħha, u li konna tħajjarna mmorru lejn tas-Sliema. Konna klikka tajba, u kull wieħed minna kellu l-karattru partikulari tiegħu, pero magħna kellna ċertu wieħed jismu Bruce. Bruce kien ta' karattru għalih, u fejn aħna konna nagħmlu farsa, hu għid li ser jagħmel tlieta. Qalbu tad-deheb, u ma kienx jaħsibha darbtejn biex iħallas luminata lil kulħadd, mhux qabel jagħmel xi waħda minn tiegħu.
Bħas-soltu il-post li kellna niltaqgħu kien ħdejn il-gabbana tal-cassettes fejn Bieb il-Belt. Il-ħin li konna nistennew lil kulħadd jasal, kien il-ħin li naraw x'diski għandu tal-gabbana, u li nittantaw xi tfajla għaddejja, u li minflok bewsa kienet toħroġlok subajha tan-nofs u tibgħatna nixxejru kollha kemm aħna!
Bruce bħas-soltu kien dejjem jasal tard, u kif jasal kien jibda' elf skuża u raġuni għaliex ikun wasal tard. Waħda mil-iskużi kienet dejjem tkun li mietlu l-kelb, u nassigurakom li jekk ngħid dan il-kelb miet u rxoxta elf darba, ikunu ftit wisq. Aparti l-praspar, Bruce kien magħruf fuq il-kapaċita li jkabbar u jġebbed l-istejjer tiegħu, tant li xi kultant minn wiċċu kont tinduna li lanqas lilu nnifsu ma kien jemmen!
Dakinhar, hekk kif wasal ħdejna u ser nibdew mexjin lejn il-karozza tal-linja, qabeż Bruce u qalilna li kien bil-ġuħ. Il-pjan qatt ma kien li mmorru nieklu. Qajla kellna biex nixtru tnejn luminata aħseb u ara nieklu ikla barra. Ħin bla waqt qalilna li sejjer jixtri ftit pastizzi. Bħas-soltu offra lil kulħadd, u bħal sajjetta spiċċa quddiem il-gabbana ħalli jixtri b'kemm kellu aptit pastizzi. Kull min kien qablu f'inqas minn minuta inqeda, pero Bruce baqa mwaħħal mal-bank ta' dik il-gabbana u rajnieh mil-bogħod jitmassħan. Naf li ersaqna aktar fil-qrib għax ftit ftit konna diġa tlifna tal-linja ta' u nofs, u konna qisna ser neħlu hemm.
Kif qrobna, sibna lil Bruce jilatika ma' sid il-ġabbana għax tefalu ħames pastizzi f'borża, meta hu ried biss erbgħa. Bruce aħmar nar jitbaqbaq li ma riedtx pastizz ieħor, imma l-bqija ta' xelin mil-25 ċenteżmu li tah. Li ġara kien li tal-pastizzi kienu spiċċawlu l-bqija żgħar, u biex jeħles ħafif flok erbgħa kien tefalu ħamsa u ma tahx il-bqija. Bruce baqa dritt fejn il-gabbana bil-borża f'idu tqattar iż-żejt, jistenna xi ħadd ġej jixtri pastizz wieħed, ħalli tal-gabbana jingħatalu xelin, u jkun jista' jtih pastizz lura u jieħu x-xelin lura bħala bqija! Ġbidnieh ġibda u addio l-pastizz żejjed, morna ġirja waħda għal tal-linja li kienet diġa bdiet timtela' ġmiela, u li kiku għalih konna kważi ser nitilfu ta' nieqes kwart ukoll.
Bejn tgergira u oħra, Bruce intefa' fuq is-seat ta' wara jmaxtar dawk il-pastizzi, bil-frak u ż-żejt iqattar ma' kull gidma li beda jigdem. U aħna? Aħna niġbdulu siequ, u nistaqsuħ jekk għandux isellifna xi xelin... u l-povru Bruce b'ħalqu mimli, jibgħatna nieħduh f'sormna li tellifnilu xelin minn taħt ħalqu.
Bil-ħaqq... il-pastizzi kielhom kollha.... il-ħamsa li huma!
Mela bla pastizz bqajtu jahassra lol
ReplyDelete