Niftakar sew meta fil-bidu tas-snin disgħin kont dħalt membru fl-iscouts tal-Marsa. Dak iż-żmien kelli uħud minn sħabi tal-iskola minn dawk in-naħat li kienu diġa membri, tant li spiċċajt għamilt bħalhom u sirt scout. Dawk in-naħat kienu pjuttost ġodda għalijja, għad li ironikament kont mgħammed fil-Parroċċa tat-Trinita' peress li z-Ziju kien Patri hemm fis-snin li twelidt.
Wara snin tiela' u nieżel il-Marsa, drajt sewwa l-akwati, u allura naqra naqra kont bdejt nesplora ukoll l-irħula tal-madwar, bħal Ħamrun u Santa Venera. F'dawn l-irħula kont niltaqa ma' bosta nies u karattri partikulari li la kont insibhom fejn ngħix, u lanqas Għawdex fejn konna nqattaw il-vaganzi. Kienu rħula li tassew kellhom karattri differenti, u dawk li ma kontx niltaqa magħhom jien, kienu jafuhom sħabi.
Darba minnhom kienet il-festa ta' Santa Venera, u bħal ma konna nagħmlu erbgħa minna, konna ddeċidejna li mmorru naraw x'hemm u x'għaddej waqt dik il-festa. Ir-raħal kien pjuttost kwiet, imma kif jiġri dejjem fil-festa kulħadd jitbellaħ xi naqra żejda.
Jekk kien hemm Marsi pur u ta' karattru uniku, zgur li kien il-Pajsu. Sħabi kienu jafuh sew, għad li kien imbgħad mar jgħix ma' familtu in-naħat ta' Santa Venera. Il-Pajsu kien minn tfulitu jiġri it-toroq tal-Ħamrun u l-madwar bi ħmara bl-isem ta' Mary, u daqsxejn ta' karru tal-injam mgħobbi fuq wara ta' dik il-bhima kwieta.
Il-Pajsu kien għomru żmienu jbiegħ il-bigilla u l-isfineġġ tal-bakkaljaw. Fis-Sajf imbgħad kien jaqleb il-bejgħ fuq il-ġelat maħdum bil-kwiet fil-bezzun tal-injam, u l-granita bil-lumi magħsur. Kien x'kien ibiegħ, għid li kont ser tisimgħu għaddej u żgur ser ixxomm ir-riħa ta' dik it-tjubija. Kien magħruf sew minn nies tal-lokal, u tant ieħor kienet popolari Mary, li r-rutina tat-triq kienet dratha mhux ħażin.
Għalkemm kienet il-festa tar-raħal, xorta il-Pajsu kien hemm bl-appuntament tas-soltu. Bl-għajta "Hawn il-granita kollha lumi!" kienet tkun biżżejjed sabiex jibdew jinġabru balla tfal ħalli jixtru. U waqt li l-Pajsu kien ikun mgħedi jnewwel u jbiegħ dawk it-tazzi kollha lumi, xi tfal kienu jaqbdu mal-povra Mary, li ftit ftit kienet saret l-attrazzjoni ewlenija.
Imma dakinhar kienet differenti mis-soltu. Ġaladarba kienet il-festa, il-massa tan-nies kibret, u flimkien mat-tfal żdiedu qatta' żgħazagħ li f'rashom kellhom diġa xi grokk jew tnejn. Is-sħana ta' Lulju ma komplietx tgħin lanqas. F'ħin bla waqt il-povra Mary spiċċat f'nofs il-marċ u mdawra b'dawk kollha li sa dak il-ħin kienu iktar qed jaraw stilel iduru ma' rashom milli jisimgħu n-noti tal-bandisti.
Iż-żgħażagħ tal-madwar bdew jaqbdu il-birra li kellhom f'idejhom, u spiċċaw jisqu lil dik il-povra ħmara. Tistaw taħsbu dik in-naqra kreatura kif bdiet sejra, għad li xorta baqgħet kwieta u qajla tħarket minn postha għax ma kienetx taf mod ieħor. Pero il-mixja tagħha ma baqgħetx l-istess u spiċċa kulħadd jara u jitħassar dik id-daqsxejn ta' ħmara fis-sakra bil-povri Pajsu u ibnu jżommuha u jipprovaw jaraw kif ser jkomplu bil-kwiet dik l-ġurnata. Naħseb li dakinhar bis-saħħa tal-birra, Mary ħadet il-bqija tal-ġurnata frank, u forsi il-Pajsu ħadha ukoll bħala ġurnata ta' tgawdija tal-festa.
L-għada erġajt inzertajt in-naħat tal-Ħamrun, u kulħadd reġa' kien fuq saqajh. Il-qilla u l-istorbju tal-festa kien għadda, u r-rutina tal-ħajja tkompli. L-istess Mary, reġgħet kienet hemm miexja b'dak il-pass kajman miġbuda bil-mod mit-tifel tal-Pajsu, u wara l-istess Pajsu qed jerġa jgħajjat "Hawn il-granita kollha lumi.... u dak il-ġelat!" ħalli jpatti għal ġurnata ta' qabel, u jħajjar lil tal-madwar iduqu min dik it-tjubija li hu biss kien jaf jagħmel!
B'tifkira għażiża ta' Anthony Grech, il-Pajsu u l-ħmara tiegħu Mary, li għal snin twal terraq fit-toroq tal-Ħamrun u l-madwar, u li b'xorti tajba dan l-aħħar erġajt ltqajt ma' ibnu Manuel, li dawn il-ġrajjiet għixhom aktar mil-viċin, u fakkarni f'din il-ġrajja.
Strih fil paci pajsu
ReplyDeleteMa ninsewk qatt pajs
ReplyDeleteDejjem jicajta u mahbub minn kulhadd ♥️
ReplyDeletePajsu the best kemm xtrajt bigilla minghandu strieh fis sliem habib
ReplyDeleteIl pajsu jien the best ghal l'isfineg, gelat u granita ta vera. Strieh fis sliem pajsu....Marsi
ReplyDelete