Ma niftakarx s-sena eżatt pero naf li kont fl-ewwel snin bikrin tas-Sekondarja. Ftit ġranet wara li bdew il-vaganzi tas-Sajf, konna iddeċidejna grupp żgħir li noqogħdu kollha fl-istess akwati, sabiex immorru ġurnata baħar. Xejn kbir... ninżlu sa Birżebbuġa b'tal-linja, u hemm inqattaw ħin ngħumu u logħob bil-ballun, li għalina kienu jfissru ħafna.
Magħna kien ġie wieħed li konna nsejħulu 'Rombu', li ma kien xejn ħlief taħlita bejn l-isem 'Rambo' (karattru mitiku tas-snin tmenin) u Romblu, minħabba li kien tifel mbaċċaċ mhux ħażin u li għal żaqqu kien jagħmel kollox.
Ma konna nġorru xejn ta' barra minn hawn magħna. Ħafna drabi xugaman, ballun, xi flixkun tal-plastik bl-ilma ffriżat (kienet moda dak iż-żmien!), u ftit ċenteżmi kemm naqbdu tal-linja 'l hemm u lura. Pero, f'dik il-ġurnata baħar għamilna minn kollox. Li konna hemm waħidna, meta konna normalment immorru baħar biss mal-ġenituri, kien diġa ħafna. Hemm ma waqafniex sekonda telgħin mal-moll u naqbżu qisna żrinġijiet f'dak il-baħar kaħlani. Il-bajja kienet ferm iżgħar minn tal-llum u li tgħum mal-moll kien assoċjat li qed tgħum bħal kbar, u mhux mar-ramla bħal l-oħrajn li issa għax bdejna Sekondarja sirna narawhom tfal!
Mela ħin bla waqt, u f'xemx tiżreġġ u taqli l-ankri, ir-Rombu bdiet tgergirlu żaqqu u beda jara x'ser jiekol. Bħalna ma ġarx ħafna flus miegħu. Sadanitant, minn gabbana fqira fil-viċin bdiet gejja riħa ta' chips moqli fiż-żejt, li r-Rombu aktar tefgħatu f'dillirju li jrid jiekol xi ħaġa u malajr. Ferneżija li ma kellux flus biżżejjed sabiex jixtri borża chips, tant li beda jara kif ser jiddubhom. Butna kien gwapp aktar minn tiegħu, u forsi kien iddobba ftit, imma mhux il-ħmistax il-ċenteżmu li kellu bżonn għal dik il-borża ta' aktar żejt milli chips.
Ra kif għamel u beda jdur in-nies tal-bajja u jittallab għal ċenteżmu, bl-iskuża li jrid jaqbad tal-linja u ma kellux flus. Naqra naqra ġabar biżżejjed sabiex jixtri borża chips, u jaqta' t-tgergir ta' żaqqu, li sa dak il-ħin il-ħoss kien diġa beda jinstema' ġmielu. B'ġirja qisu sajjetta, mar dritt lejn il-gabbana, u bl-leħen oħxon imma edukat qallu 'Għamilli borża chips.... please!'. Dħakna mhux ftit narawh ġej b'dik il-borża tqattar iż-żejt, u hu jaħtaf kull waħda f'nifs wieħed. Ta' edukat li kien, offra lil kulħadd, speċjalment dawk minna li tawh xi ħaġa tal-flus, sabiex jaqta' dak il-ġuħ. Aħna aktar nidku milli nieklu, għax ir-Rombu reġa għamilha!
Mela dan l-aħħar nżilt nara l-logħob tan-nar ta' raħal twelidi, il-Fgura. Intfajt għal kwiet fuq ċint eżatt ħdejn gabbana tal-ikel ultra-moderna, nara dak it-talent ta' xogħol fin-nar waqt li quddiemu kien hemm il-briju u l-entużjażmu ta' żgħażagħ Fgurin għatxana sabiex jagħmlu festa aqwa minn tas-sena ta' qabel.
F'ħin minnhom, fost t-tisfir u twerżieq tal-murtaletti u sfafar tan-nar, nisma' lil xi ħadd jgħid lil tal-gabbana... "Għamilli borża chips....please". Dak il-kliem bħal donnu kien familjari, u dlonk dawwart wiċċi ħalli nara min kien. Eżatt quddiemi erġajt rajt lir-Rombu, issa raġel mdaqqas u għadu mimli kif nafu. L-edukazzjoni u l-manjieri ħelwin tiegħu għadhom fuqu, u f'sekonda għajnejna ltaqaw u għarafni. Ma bsartx li ser jarafni imma ġie riħ biex ikellimni, qisu qed jarani barra l-iskola u mhux għaddew dawn is-snin kollha.
Ġie fuqi u b'ħalqu mimli, qalli... "Kif aħna?... x' minnek?.... bil-ħaqq...trid chips?" Risposta tiegħi ħadha, pero ħa ukoll tbissima lura għax b'dik it-'trid chips', ħadni lura snin twal ilu, u nebbaħni bla ħsieb li nikteb din it-tifkira. Grazzi Rombu..għax naf li ma jieħux għalih!
Ritratt meħud minn fuq Facebook.
I recognised this to be Birzebbuga. I visited there in 1994 with my parents on their first visit back to Malta after immigrating to Australia in 1962. I think I bought hobz biz-zejt!
ReplyDeleteXi gmiel.ta'kitba prosit kbira
ReplyDeleteI love it brought my own memories too …. I imagined every sentence & paragraph.
ReplyDeleteWell done
Regards
Mark cassar
Grazzi lil kulhadd tal-kummenti sbieh taghkom!
ReplyDeleteNiftakar fi zmien tmenin
ReplyDeleteNitla disco sixth form lbelt is sibt kien jibda 5 mas 2 ga konna inkunu belt peres li fit8 inkunu iridu nitilqu lejn dar oh zmien helu niftakar dik il pizza ta la vallett il wimpy u merry chef