Niftakar sew meta missieri laqqani mas-Sur Testa, apparti li kont narah bħala ħabib tal-qalb ta' missieri, kont narah ukoll bħala bniedem rett u ta' korettezza kbira. Għalkemm kont għadni daqsxejn ta' tifel, kont nara fih dixxiplina kbira, u li ma kontx ser tiċċajta meta mhux f'waqtu. Ħarsa tiegħu kienet tkun biżżejjed, u probabli kien l-unika ħin li kont kapaċi nibqa' bilqiegħda mingħajr ma niċċaqlaq, u jekk stajt nieħu nifs wieħed aħjar milli tnejn.
Din id-dixxiplina (u qalb tajba) tiegħu, ttrasmettiha ukoll fl-iskola li kien imexxi - Il-Liceo Vassalli Tal-Ħandaq. Ma kontx tiċċajta u wisq anqas tipprova tiskarta xi lezzjoni jew toqgħod tiġġerra barra waqt ħin il-lezzjonijiet. Il-metodu tiegħu kien li jekk l-għalliem ikeċċik mil-klassi għal raġuni jew oħra, mela allura postok jew fuq fl-uffiċju tiegħu, jew fil-librerija, jew x'imkien ieħor u tmidd idejk għax-xogħol, jew mal-purtinar, jew fil-lab tnaddaf, xi ħaġa basta mhux tiskarta jew tiċċassa.
B'dan kollu f'moħħu għamel struttura fl-iskola sabiex ħadd ma jkollu raġuni ala jiġġerra barra meta mhux awtorizzat. Għal dan il-għan kien ħoloq sistema ta' biljetti, tip ta' pass, sabiex jintuża mil-istudenti, sabiex dak li jkun jurih jekk jinqabad jdur barra. Tliet tipi ta' pass, kuluri differenti...roża, bajda u safra... bil-kitba fuqhom 'Administration'... 'On Errand'....u l-klassika... 'Toilet'.
Kull għalliem kellu sett minnhom, u kien iqassam skond il-bżonn ta' dak li jkun. Dan kien wassal sabiex dawk li kienu mdorrijin jaħarbu mil-iskola qabel il-ħin, jew jaqbżu xi lezzjoni, jonqsu drastikament. Dixxiplina f'waqtha u li bdiet trendi r-riżultat mixtieq.
Pero' x-Xitan ma għandux ħalib, u l-Malti (speċjalment tal-eta' tagħna) kien jilħaqlu forsi ħafna aktar milli basar is-Surmast. Din tal-passes xejn ma niżlet għasel, u kienu bosta li bdew jaqilgħu tbeżbiża għax ikunu fil-post il-ħażin fil-ħin il-ħażin.... umbad kont tisma' il-mikrofonu bil-qanpiena.... lista ma tispiċċa qatt ta' studenti... u fl-aħħar..."jitilgħu fuq... ISSA!"
Kienet bdiet tiġri l-kelma li l-kbar tal-iskola bdew jħarbxu xi ħaġa fuq kif setgħu jiskappaw din il-biċċa. Ftit għadda żmien u wieħed seta' jinnota ħafna tfal jiġġerrew barra ħafna aktar mis-soltu. Il-mikrofonu baqa sieket, u sadatant il-lokijiet mimlijin u oħrajn ma jafux fejn ser jitfaw rashom, imma qedin barra. X'ġara tassew?
Darba għaddejin jien u sieħbi fi triqitna lejn it-Tuck shop, u f'kantuniera moħbija, li kienet barra mil-passaġġi tas-soltu kien hemm ġgajta miġburin. Wieħed minnhom partikulari b'mazz karti f'idejh li ma l-ewwel daqqa t'għajn kont taħseb li qed ipartat il-kupuni tal-futbol, pero f'dak il-perjodu ma kienx żmienhom. X'kien qed jqassam.... jew aħjar ibiegħ?
Sieħbi, kurjuż aktar minni, resaq aktar fil-viċin ħalli jara. Sab li dan il-ħaxixu kellu kopji tal-famużi passes u beda jbiegħ minnhom fuq l-idejn. Ovjament kellu biss dawk il-bojod tat-Toilet u mhux tal-Administration... għal raġunijiet ovji. Insejt kemm kien qed jbiegħom pero niftakar sew li kien qed idawwar lira tajba. Mhux ta' b'xejn t-tfal jiġru barra żdiedu, u żdiedu sew f'daqqa!
L-isfortuna (u l-fortuna) tal-Liceo Vassalli hi li s-Sur Testa kellu Assistent seqer daqsu, jekk mhux aktar ukoll. Is-Sur Attard (ir-Ronnie) kien ħażin aktar mil-ħażen li konna lesti nagħmlu fost l-istudenti. Kien dejjem dak il-pass qabel kulħadd, u din il- biċċa probabilment xamma' qabel seħħet, u ħalla ftit sakemm daħal fix-xena, u bħal kobra ħataf il-mument eżatt sabiex jaqbad li min kien wara dan kollu.
Ma domniex ħafna meta smajna ismu fuq il-mikrofonu...b'ton qalil u min jaf kemm tar bżieq ma' dak l-isem... pero biż-żmien l-ammont ta' tfal jiġġerrew barra reġa naqas, u l-ordni reġgħet bdiet tirrenja fl-iskola... sakemm xi ħadd ieħor joħroġ b'xi idea ġdida. Illum dak l-istudent ma nafx x'sar minnu, imma probabilment, b'dak ir-raġunar ta' dakinhar, illum sar xi businessman jew qed imexxi xi industrija, għax la laħaqlu dakinhar ġol-Liceo Vassalli, jaf illum għamel passi ta' ġgant.
Mingħajr ma nafu, nselli għalih!
Jista jkun li bhala reazzjoni, biljetti bojod tat Toilet kienu wkoll 'juntuzaw' qishom urine test strips u miskin l ghalliem.
ReplyDeleteX'memorji! Jien dhalt Tal-Handaq l-ewwel sena li fetah il-JL. U dhalt Form V ghal l-ahhar sena tas-sekondarja. Il-Form V kollu konna klassi wahda biss ta' xi wiehed u ghoxrin tifel. Kien zmien sabih u s-Sur Testa kien bastun imma konna nhobbuh ukoll!....grazzi tat-tifkiriet.
ReplyDeleteJien qattajt 3 snin il-Liċeo Vassalli taħt it-tmexxija ta' Testa/Attard. Konna studenti ta' kull tip u tgħallimna ħafna fuq livelli differenti. Skola mill-aqwa, f'post sabiħ u miftuħ, b'għalliema u tmexxija primi. Kien nofs is-snin '80. Ħajr ta' din il-kitba-tifkira.
ReplyDeleteX’memorji! Kont insejtha din tal passes! 😂
ReplyDelete