Iż-żarżira tax-xufier

 


Niftakar sew żmien meta konna niltaqgħu kollha sabiex nerħulha għal x'imkien fejn nqattgħu ftit siegħat nittantaw ix-xemx għaddejja.  Ħeġġa għal karozza ftit kellna, avolja uħud minna kienu forsi diġa ramaw xi Escort jew Anglia armat sewwa li jġiblek xi ftit għira.  Il-bqija, avolja s-servizz kien mnejjek, xorta konna nipreferu nużaw tal-linja.

L-avventuri fuq dak it-trakk li jaf il-gwerra diġa rrakkuntajt ħafna minnhom, pero dan l-aħħar ftakart f'mument partikulari li kien ġara fi żmien meta la tħossok tifel żgħir, u ta' madwarek ma jarawkx raġel matur lanqas.  Msomma, dik l-eta' fejn farsa jew praspura kont tidħol għaliha bir-ras, u qajla taħseb li tista' tħallik f'xi xeba' inkwiet.

Ġara darba minnhom li l-grupp mdaqqas li konna tlajna kollha fuq xarabank, direzzjoni għal Għajn Tuffieħa.  Xi ħadd kien iddeċieda li nerħulha 'l hemm, għad li żmien il-baħar kien fadallu avolja t-temp kien diġa beda jisħon.  Ix-xufier kien diġa xammar xuftejh u b'għajnejh beda jifli kull wieħed u waħda minna sabiex ma nfottuħx fil-qtugħ tal-biljetti.  Il-vjaġġ beda, b'sieħbi jiprova jsib postu waqt li kien jgħodd il-ħafna ċenteżmi żgħar li bela' sabiex jagħtih il-bqija, u fl-istess ħin jintebaħ li kien serqu xi ftit minnhom.

Ndannat kif kien, ħalef li ma l-ewwel ċans li jkollu, jmur u jgħidlu li tah bqija ħażina.  Għamilna vjaġġ sħiħ nidku, u sieħbi jgerger u jonfoħ li ġie misluħ xi xelin.  Id-daħk kien biżżejjed li t-triq lanqas rajniha twila, u f'kemm ili ngħidlek konna ġa qbiżna l-Pwales u deħlin lejn Għajn Tuffieħa.  F'ħin bla waqt, xi ħadd fettillu jbiddel il-pjan l-aħħar sekonda.  Iddeċidejna li nieqfu xi waqfa jew tnejn qabel sabiex nimxu ftit f'dak il-wied li ftit ftit beda jaqta' mil-ħdura tiegħu u jieħu s-sfurija tal-ħaxix maħruq bix-xemx Maltija.

Tista' timmaġina, ġgajta tqum f'daqqa fuq tal-linja nofsha mifquha turisti sejrin jilagħqu x-xemx, u aħna nippruvaw nsibu triqitna lejn l-istaffa.  F'ħin minnhom xi ħadd ġibed l-ħabel ħalli ddoqq il-qanpiena forsi dak ix-xarabank jieqaf fejn xtaqnieh.  Il-qanpiena mżarżra kif kienet, qajla nstemmgħet.  Ma nstemgħatx biżżejjed sabiex wieħed minnha jerġa għal darba darbtejn jiġbed b'kemm kellu saħħa dak il-ħabel, li f'daqqa waħda spiċċa maqtuħ għal istaġib ta' kulħadd/  Kulħadd.... ħlief tax-xufier, li ntefa' jlanġas u jsalli qisu l-aqwa Imam f'xi moskeja mwarba ġo nofs id-desert tal-Afrika.

Minn hemm tlaqna kollha ġirja waħda 'l isfel, inkluż mil-bieba ta' wara, b'ġirja waħda kemm jista' jkun 'il bogħod qabel naqalaw xi ċamata oħra tajba.  Aħna u niġru, d-daħk ma waqafx, fl-isfond ix-xufier għadu jinstema' jidgħi, u sieħbi jonfoħ u jidgħi li baqa' mingħajr ix-xelin nieqes mil-bqija!








Comments