L-Irxoxt li ma rrxuxtax!

 


Ma kienetx xi ħaġa tas-soltu li l-iskola kienu tħajru jagħmlu addattament tal-Passjoni fi żmien il-Għid.  Xi ħaġa għal fuq il-palk fi żmien il-Milied kienet drawwa, pero ta' żmien l-Għid qatt ma konna qed nistennewha.  Niftakar sew ta' tifel li kont, ftit kont nieħu pjaċir li nipprova nidħol għal dawn l-affarijiet.  Pero' dejjem kien ikun hemm dik il-ħaġa li tbiddillek fehemtek fi ftit sekondi, u minn persuna mhux interessat, tispiċċa persuna li l-palk u t-teatru jsiru l-passjoni tiegħek.... u fil-fatt Passjoni kellha tkun!

Bħal dejjem, is-surmast kien iqabbad għalliem li jieħu ħsieb xi ħaġa hekk.  Ħadd ma stenna li ser tkun produzzjoni tipo Jesus of Nazareth (li kien popolari dak iż-żmien!), pero l-isforz ovjament u l-entużjażmu kien mitlub.  Xejn xejn, min kellu jsegwi r-rappreżentazzjoni ried jieħu pjaċir isegwiha, u fuq kollox li l-messaġġ tagħha jasal.

Malli s-Surmast semmiegħa waqt l-Assembly ta' filgħodu, kienu bosta tfal li niżlu isimhom.  Min bi skuża biex jiskarta lezzjoni jew tnejn, min għax tassew kellu għal qalbu r-reċtar u żmien il-Għid, u min bħali għax inġarr mal-klikka sabiex nidħlu għaliha, u li qajla kont naf għal xix dieħel.

Ftit ġranet wara saret l-ewwel laqgħa għal dawk li niżlu isimhom.  Kulħadd beda jingħata l-parti tiegħu, u ovjament dawk prinċipali kienu fost dawk li ferħu mhux ftit li ħadu l-aħjar partijiet.  Wieħed minnhom kien student fil-klassi tiegħi, u kien ħa l-parti ta' Kristu.  Il-parti kien kważi diġa jafha bl-amment għax missieru kien dilletant sew tal-Ġimgħa l-Kbira u mhux l-ewwel darba li għamel parti simili f'xi dramm.  Ma kienx tifel mil-ħelwin, u l-parti li ħa żgur ma kienetx tagħmel ġustizzja mal-karattru mnejjek li kellu.  Ħafna ma kienux iniżżluh.

Għadda ż-żmien tal-provi u kulħadd daħal sew fil-parti tiegħu.  Il-jum propja tar-rappreżentazzjoni wasal ukoll.  Sala ippakjata lesta li ssegwi dik il-produzzjoni unika.  Bħal ħaddieħor, jien kont lest għal parti tiegħi ukoll, avolja kull ma ridt nagħmel kien li meta jissallab Ġesu' ridt taparsi nibki.  Qatt ma kelli ambizzjoni għal xi Oscar, imma ħassejt li kelli xorta parti importanti.  Miegħi kelli tewmin, imma dawn kellhom ukoll jieħdu ħsieb iqandlu lil 'Ġesu' ħalli mbgħad jitqiegħed fil-qabar.

Wasal il-mument kruċjali, saret t-tisliba u ħarġet tassew tajba.  Ġesu tniżżel mis-salib, u t-tewmin resqu sabiex jġorruħ lejn il-qabar.  Ġgajta ta' tfal, u jien magħhom, jimxu warajhom jibku u jħabbtu fuq sidirhom.  It-tfajjel tqiegħed fil-qabar u biċċa injama tonda taparsi l-blata għalqet l-bokka tal-qabar.  Mal-ħin suppost din l-injama kellha ddur lura u Ġesu joħroġ glorjuż għal applaws ta' dawk preżenti.  Minflok din l-injama għal xi raġuni ma ċċaqalqitx.  Kulħadd jistenna li dan joħroġ, bil-mużika diġa bdiet u kulħadd baqa' jistenna.  Dlonk l-mużika ntfiet għax deher evidenti li ġara xi ħaġa.  Malli waqa' dak is-skiet ta' sala tistenna u mużika mitfijja, nstemgħet taħbita fuq l-injama...."Tokk... tokk...  Sir ma nistgħax niftaħha!!"

Għal dak il-kliem li nstema mas-sala kollha, kulħadd infaqa daħka waħda, inkluż is-Surmast li kien magħruf għas-serjeta' tiegħu.

Ma nafx x'kien ġara tassew, pero naf li xi ħaġa bħal din qatt ma reġgħet ittellet fl-iskola tagħna, almenu sakemm domt hemm jien.  Kien tassew uniku li dakinhar, l-Irxoxt ma rxuxtax!







Comments