Aħmar....iva aħmar!

 


Tal-bazaar fil-pjazza kien mimli bihom.  Kif titħol fil-ħanut, kont tarahom lot fuq xulxin, u għalkemm kont immur għandu għal xi qadja oħra, għajnejja dejjem kienu jieqfu jħarsu lejn dak il-ballun.  Ma kien xejn speċjali, sempliċiment ballun tal-plastik bl-isem ta Super Tele, li super ma kellu xejn ħlief li bih il-logħob kien jieħu xejra oħra.

Kont diġa daħħaltha f'rasi li mil-ftit ċenteżmi li kont naqla' pocket-money, kont ser nwarrab ftit minnhom u nixtri wieħed minnhom.  Hekk għamilt, u kif kelli biżżejjed mort ġirja waħda sal-pjazza nixtri dak l-imbierek ta' ballun.  "X'kulur tridu?" niftakar qalli.... "Aħmar....iva aħmar"....u bil-mod niżżell l-għanqud blalen mdendlin u qata' x-xlief li kienu jorbru l-ballun l-aħmar mil-bqijja tal-lott.

Ir-riħa ta' dak il-ballun għadni niftakarha sal-llum.  Fl-aħħar qtajt xewqti u xtrajt il-ballun li tant xtaqt.  Fuq kollox kont ser immur il-pjazza u din id-darba il-logħba futbol kont ser nagħmel ir-regoli tagħha jien, għax fuq kollox kien ser jkun il-ballun tiegħi.

Tul il-ġirja lura lejn id-dar, f'moħħi kien diġa għaddej lil min ser nagħżel fit-tim tiegħi, kif ser tintlgħab il-logħba, ir-regoli li ser naddatta, u fuq kollox meta kellha tispiċċa l-logħba.... kollha għaddew minn moħħi.  Bħas-soltu għal ewwel fil-pjazza ftit kien ikun hemm tfal.  Min jibda' xi logħba passju, min żibeġ jew boċċi, pero l-ħoss ta' ballun jissabbat mal-art, kien qisu s-sinjal meħtieġ sabiex it-tfal jibdew jinġabru.  F'ħin bla waqt it-tfal fil-pjazza kienu jiżdiedu sew.  Qisu kulħadd kien qed jistenna dak il-ħoss.

Imaġinaw tifel daqsi hemm f'nofs ta' pjazza b'ballun jleqq ġdid fjamant taħt idi, sormi mimli li dakinhar ser nikteb l-istorja tal-futbol.  Fi ftit tal-ħin ir-regoli għamiltom ċari ma' kulħadd, u t-timijiet tqassmu kif xtaqt jien ukoll....u ftit wara bdiet il-logħba.  Il-ballun felaħ għal kull daqqa u minn gowl tas-soltu, dakinhar skurjajt tnejn...kollox kien favur....sakemm... sakemm f'ħin bla waqt wieħed mis-subien ivenven xutt għal Alla tiegħu u l-ballun jaqbad triqtu għal wara l-ħajt tas-sejjiegħ!  Dik ix-xena rajtha quddiem għajnejja qisha xi replay bis-slowmotion waqt xi logħba fil-World Cup!

X'seta' jibqa' fik meta ballun li kont xtrajtu biss inqas minn siegħa qabel, diġa spiċċa f'lok li qatt ma stajt tiġbru lura.  Biex tkompli tgħaqqad kollox, malli l-ballun ntilef u logħba waqfet, ftit sekondi wara tfaċċa xi ħaddieħor bil-ballun tiegħu, u l-logħba tkompliet, din id-darba bir-regoli ta' ħaddieħor!

B'għajnejja żlieġa u fl-istess ħin nipprova nżomm milli ninfaqa nibki dak il-ballun, mort lura d-dar bl-iskuża li sarli l-ħin.... niftakar fil-ballun li ħallejt warajja, u f'widnejja nerġa nisma kliemi stess... "Aħmar....iva aħmar!"

Comments