Niftakar meta jekk ridt tixtri l-ħobż jew ridt tistenna l-vann ġej wara l-bieb, jew inkella ridt tmur dritt għand il-furnar. Jekk ma kontx tkun taf fejn jinsab, kien biżżejjed li tħalli mnieħrek iwasslek sal-post. Mingħandu kienet toħroġ riħa ta' ħobż frisk u b'dik in-naqra riħa ta' ħatab jaqbad.
Il-forn l-antik, partikularment dawk f'Għawdex, kienu postijiet li jaffaxxinawni. F'Malta ma tantx kelli opportunita' li narahom, pero fil-gżira Għawdxija, b'mod partikulari fi tfuliti, kienu l-unika mezz kif stajt tixtri ħobża friska. Niftakar sew dik il-kamra mudlama, b'forn li minnu kienet toħroġ dijja ta' nar mkebbes minn siegħat qabel, u li kif toqrob viċin kont tħoss il-vampa riesqa lejk. Il-ħoss tal-bieba tal-ħadid mastizz tinfetaħ bil-galbu u l-furnar b'wiċċu kollu tqiq u bil-pala twila f'idu jipprova jilħaq il-ħobż li jkun lest moħmi.
Minn hemm kienet tibda' l-istess battalja li semmejt fl-istorja tal-bejjiegħ tal-vann. Tilar sħiħ ta' ħobż u nofs tużżana nisa jilatikaw għal l-istess ħobża. Biss wara li l-qiegħa kienet tikkalma, u l-bejgħ tal-ħobż jonqos, kien jibda' ġej lott ta' nisa ieħor f'dak il-post ċkejken.
Nisa filliera kollha b'xi dixx imħawwar u lest....min patata l-forn, min ftit kustilji tal-majjal....min xi naqra koxox tat-tiġieġ.... jew xi dixx imqarrun....kulħadd jibża' għad-dixx tiegħu u sadatant jissindika x'ħejja ħaddieħor.
Il-mara xwejħa tal-furnar kienet tkun pronta toħroġ biċċiet tal-landa maqtuha kwadretti żgħar u kollha b'numru mpress fuqhom. Numru kienet titfgħu fid-dixx ma' dik it-taħlita' bnina, u oħra f'id min ikun newlilha d-dixx. L-istess kienet tagħmel ommi, u dlonk kont nieħu dik il-biċċa landa f'idi nifli kif l-imniefaħ għamel dak in-numru, waqt li tgħidli biex ma nitilfux, għax inkella konna nibqgħu bil-ġuħ!
Minn hemm l-istess furnar li kien ikun għadu kif kines il-forn mil-ħmira tal-furnata ta' qabel, kien jibda' jdaħħal dixx wara dixx għal dak in-nar jikwi, u t-tisbita ta' dik il-bieba tal-ħadid kienet tfisser, li min hu barra barra, u min hu ġewwa ġewwa!
L-aħħar xena li niftakar hu li ftit siegħat wara kont terġa tkun fl-istess lok, u din id-darba dak il-forn ċkejken kien jimtela' b'riħa taqsam ta' kull forma ta' ikel....riħa li taqsmek biżżejjed li anke jekk ma jkollokx ġuħ kont żgur tiftaħ l-aptit.
Ix-xwejħa għal darboħra tkun pronta li tibda' tnewwel id-dixxijiet lura lil sidhom billi tqabbel in-numru fuq il-landa ma' dak li kien ikun mitluf bejn koxxa u xi patata mbaskta. Min qed jiġbor id-dixx kien ikun lest b'xi sarvetta jew tnejn ħalli jkebbb dik il-benna ta' ikel moħmi lest għal ġo żaqq il-familja....
Mal-wasla d-dar, konna nduru dak id-dixx lest, u min jisraq xi patata maħruqa fil-wiċċ, min mitluf bir-riħa, u min jipprova jaħseb kemm dak il-platt diġa jinxtamm aqwa minn meta ssajjru d-dar.
.... u miegħu kienet tiżdied dik il-biċċa ħobż sħuna, u kollox kien jinżel għasel...f'dik id-dwejra żgħira, mikrija għal ftit jiem sabiex ingawdu dik is-sbuħija u s-sempliċita' t'Għawdex!
X' memorji ... Insejt li bil biljett inti fakkartni
ReplyDelete☺️
Hekk hu...propjament mhux biljett imma bicca landa, msejjha comba.
DeleteTfakkarna f'affarijiet semplici mil passat taghna , imma kienu prezjuzi ghax bxi mod niftakru f persuni li mghadomx maghna Grazzi keep it up Daniel
ReplyDelete