Niftakar meta fi tfuliti ridt tara u tkun aġġornata bl-aħbarijiet, ma tantx kellek għażla. Biex nkun għidt kollox, ta' tifel li kont ftit kien jinteressani, u aktar kont nippreferi xi puntata ta' Mazinga Z jew Megaloman flok xi aħbarijiet li kien dejjem qisu ma jispiċċa qatt. U tassew ma kienu jispiċċaw qatt, speċjalment f'xi żmien ta' Budget jew inkella kif toqrob xi Elezzjoni Ġenerali!
Imma għalkemm ma' kienx xi ħaġa għal qalbi, l-aħbarijiet ta' Xandir Malta, kif kien jissejjaħ dak iż-żmien, kien xorta jaffaxxinani. Niftakru ċar l-qarrej tal-aħbarijiet....Leonard Callus....Anna Bonanno....Paul Azzopardi....Gino Cauchi....kollha llamtati sal-anqas dettall. Bil-qieghda b'tabella warajhom forma ta' globu, u quddiemhom sett tat-telefon, li meta xi filmat ma jaħdimx, seta' jiġi avzat mid-direzzjoni fuq x'għandu jagħmel. Dak il-mument ta' mbarazzament għal ġurnalist, jien kont nistennieh, għax kont tara xi ħaġa differenti mil-monotonija tal-aħbarijiet.
Xi ħaġa oħra differenti minn kif jsiru l-aħbarijiet illum il-ġurnata hi l-ħafna karti ta' quddiem il-qarrej. Illum l-aħbarijiet jinqraw b'mezzi moderni, pero fi tfuliti, l-qarrej kien jiddependi ħafna mil-karti ta' quddiemu. Mhux l-ewwel darba li xi kelma jew tnejn kienu jinqraw ħażin, u dan kien idaħħaqna ftit ukoll.
Għal bidu l-aħbarijiet ma kienux jkunu msaħħin bil-filmati, anzi ħafna drabi xi filmat konna narawh l-għada li jseħħ, allura ma' ċerta aħbarijiet kienu jittellaw ritratti. Ma kienetx tkun l-ewwel darba li kont tara xi stampa tiela' fil-mument il-ħażin, jew inkella xi stampa mhux relatata mal-aħbar mxandra. U ma dawn kienu jiżdiedu xi ħsejjes fl-isfond ta' xi ħadd jgħajjat, xi ħaġa taqa' u fuq kollox tal-qarrej li mingħalih mhux jinstema' u taħrablu kelma jew tnejn.
Fl-aħħar ta' kull aħbarijiet, ma setgħax jonqos li jkun hemm ir-rapport tat-temp. Kien dejjem jiġi xi uffiċjal mil-Uffiċċju Meteoroloġiku (din il-kelma assolutament ma kienetx iddurli meta kont żgħir) sabiex jirraporta t-temp. Bord kbira warajh u kont tarah iddawwarha skond il-bżonn. U sabiex jgħid t-temp tal-għada, kien jaqbad bosta simboli li kienu jeħlu bil-kalamita u tarah iwaħħalhom fuq dan il-bord. Xi xemx bis-sħab....xi sajjetta...jew xi xemx tiżreġġ. Fuq kollox umbad kien iwaħħal vleġġa biex juri d-direzzjoni tar-riħ, u jkompli jdawwarha b'subajh ħalli jissimula l-varjazzjoni ta' matul il-jum. Xejn grafiku, u xejn diġitali....kollox qishek qiegħed l-iskola u bl-għalliem jispjega l-lezzjoni lil istudenti tiegħu.
Kienu aħbarijiet sempliċi, u għalkemm ftit kienu jinteressawni, il-qarrejja tagħhom konna narawhom bħala nies importanti....tant li meta konna naraw li xi ħadd minnhom fit-triq, kienet mil-ewwel tiġri l-kelma li 'hawn dak jew dik tal-aħbarijiet'.....
...u ta' tifel li kont, minn fomm dik il-persuna, kont biss nistenna' li nisma' l-kliem....."Nsellmilkom, u nistiedinkom għal dan il-bullettin sħiħ tal-aħbarijiet.... nibdew bil-ġrajjiet ewlenin...."
Comments
Post a Comment