Niftakar sew li fi tfuliti ma tantx kien hawn ħwienet minn fejn stajna nixtru biċċa ħobż friska. Allura l-istennija għal vann tal-ħobż, kienet tkun mistennija mhux ħażin, tista' tgħid minn nies tat-triq kollha. Dak iż-żmien, l-istorbju fit-triq kien inqas, u għalhekk kull min kien jiġi jbiegħ xi ħaġa kont tisimgħu minn diversi kantunieri 'l bogħod. Kont nintefa' lest bil-flus f'idi bil-qiegħda fuq l-għatba tad-dar, nistenna dak il-vann idur il-kantuniera. Għalija kien mument importanti li ġejt fdat nixtri... avolja kull ma kienet biċċa ħobż.
Darba fost l-oħrajn, bħas-soltu dar il-kantuniera dan il-vann abjad Bedford, b'faxx aħmar fuq il-ġenb ħalli jurik li hu l-vann tal-ħobż. Ma kellekx bżonn sinjali, għax dak il-vann kienet toħroġ minnu riħa taqsam ta' ħobż frisk mil-aħħar furnata. Il-ġuvnott li kien isuqu kien dara d-dawra sew, u kien dejjem jieqaf fl-istess post. Karozzi ftit kienu jeżistu allura kien isib fejn bla problemi ta' xejn. Joħroġ, jiftaħ il-bieba ta' wara, u fi ftit tal-ħin tara ġgajta nisa kulħadd ħiereġ jixtri.
Jien ta' żgħir li kont, kont niprova nlaħħaq il-pass ma dawk kollha, li anke biex jixtru biċċa ħobż riedu bil-fors jieħdu ras kulħadd bil-kliem f'xulxin. Niftakar sew il-kalma tal-ġuvnott jipprova jżomm ftit ordni, b'id inewwel ħobża u bl-oħra jilqa' l-flus u b'nofs ħarsa jara li eżatt u kont dritt tismagħhom neżlin fil-kaxxa tal-landa.
Mal-folla nisa dejjem ried ikun hemm min ried xi ħobża partikulari....min iridha maħruqa, min le, min ġenba u min ried waħda żgħira. U meta l-ġuvnott ma kienx ilaħħaq kont tarah jimsaħ l-għaraq bil-komma tal-qmis, miksija tqiq. Kultant kont tarah jaqbad lasta twila b'musmar f'tarfha, u f'leħħa ta' berqa jagħti daqqa fuq il-ħobż minn naħa ta' wara tal-vann, u bil-ġibda taraha tersaq aktar qribu.
Jien żgħir żgħir kont niprova nlaħħaq nixtri, u bil-kemm kont nidher fost dawk in-nisa kollha. Sadatant, kont nintilef nara dik il-ħefa tal-ġuvnott li waħdu kien ilaħħaq ma dak il-ġenn kollu. Kienet xena li taffaxinani kull darba li kin imissni nixtri l-ħobż. Meta jikkalma kollox, kont nibqa' jien quddiemu....bil-flus f'idejja probabbli nsejt eżatt xi nkun irrid nixtri. Imma kien jidrani, u mil-flus ta' jdejja, kien ikun jaf x'irrid. Minn hemm kien dejjem jwissini biex ma nnaqqariex, waqt li jgerfixli ftit xagħri.
Biż-żmien l-affarijiet nbidlu mhux ħażin, u tal-ħobż ma baqax jgħaddi mit-triq għax kulħadd beda jsib jixtri mil-ħwienet moderni. Pero il-ħoss tal-ħorn, il-ċaqlieq tal-vann u l-ħarsa tal-ġuvnott mitluf fuq xogħolu għadni niftakarhom sew.... is-sempliċita'... ir-rutina....u fuq kollox, ir-riħa ta' dik il-ħobża taħraq f'idi!
Comments
Post a Comment