Niftakar meta fi tfuliti kien imur id-dawl, ma kienetx tkun xi ħaġa ta' barra minn hawn. Konna pratikament drajna li b'mod regolari konna nispiċċaw fi dlam ċappa. Il-lampi tal-pitrolju u r-riħa taqsam ta' dak il-pitrolju mil-landa għadni niftakru sal-llum. Magħhom kienu jiżdiedu x-xemgħat ħomor u konna nispiċċaw nxerdu mad-dar kollha, tant li kont tħossok qisek qed iddur f'xi ċimiterju mwarrab.
F'dik il-ħemda tad-dlam u fin-nuqqas li la kellek televixin jew radju jaħdem, konna naraw kif ser ngħaddu ż-żmien, partikularment jekk il-ħin ikun għadu mhux ħażin. Niftakar sew li jien ħafna drabi kont inkun għadni qed nkaxkar bix-xogħol tad-dar mil-iskola, u li sa ftit ħin qabel kont qed nfittex elf skuża sabiex ma nkomplihx. Il-qtugħ tad-dawl kien skuża tajba, pero' xorta ma kienetx tiġini sew, u għalkemm bid-dawl inemnem tal-lampa, xorta kont obligat li dawk is-somom inlestihom, u inlestihom sew.
Ma' dik il-ħemda kont tidħol f'dinja oħra. Kif semmejt qabel konna drajna, allura kien ikun hemm min id-dar xorta kien jibqa' għaddej fuq xogħolu. Ħija kien jibqa' jistudja mdawwar b'ħafna xemgħat u bit-tgedwid hu u jaqra, kont taħsbu li qed jagħmel xi rit makabru, minn dawk li kienu jbeżżawna fuqhom waqt l-Eżerċizzi tar-Randan. Missieri kien jistordik' dieħel u ħiereġ barra sabiex jikkonferma li bla dawl kulħadd, dan sakemm kien jaħbat siequ ma' x'imkien u jispiċċa bilqiegħda jorok subgħajh u jsemper minn ħalla s-siġġu fin-nofs. Ommi minn naħa tagħha, kienet tiprova tkompli taħsel il-platti, u jien.... jien minflok dawk l-imbierek somom tqal li qatt ma fhimt l-iskop tagħhom, kont nibda' nagħmel ħafna forom bid-dellijiet fuq il-ħajt.
Il-fantażija ma kienetx tieqaf....u issa forma ta' għasfur, u wara ċerva u wara forma ta' fenek...imsomma, forsi ma kienux ikunu perfetti, imma għalijja kienu dik il-forma. Dan kollu sakemm xi ħadd jintebaħ li flok qed nlesti xogħoli erġajt intlift fil-logħob! U wara ħafna stennija, xi għaxar posti rużarju, xi kelma ħażina kontra l-Gvern u daħka għal dik is-sitwazzjoni, fl-aħħar kien jerġa jitfaċċa d-dawl. Naqra teptip fil-bidu tant li l-friġġ kienet tagħmel naqra ħsejjes strambi, imma mbgħad kollox jerġa' jiġi għan-normal.
Minn hemm kienu jintfew ix-xemgħat u l-lampi kollha, u għadni niftakar r-riħa tagħhom jintfew, u jintrefaw fil-viċin għal darboħra. Il-ġirja sabiex kulħadd jinħsel speċjalment jekk imbgħad kien ikun sar il-ħin.....u jien? Jien probabbilment kont inkun għadni għaddej bis-somom....maaa xi dwejjaq!
Sakemm.... sakemm...puffff....reġa mar id-dawl....istra! Xi dwejjaq, ser jkolli nieħu nota miegħi l-iskola għada li ma stajtx inlesti s-somom għax mar id-dawl...!
Comments
Post a Comment