Niftakar sew hekk konna ngħidu darba konna nibdew naraw il-karta fuq in-noticeboard ta' dawk l-għalliema li għal xi raġuni jew oħra ma kienux jiġu l-iskola. Il-famuża karta tal-free lessons, għax tassew hekk konna nsejjħulom.
B'mod speċjali nhar ta' Tnejn (wara l-weekend) u il-Ġimgħa (biex neħilsu kmieni) konna nibdew niffullaw ma' dik il-biċċa ħġieġa. nistennew lil Assistent Kap ġej bil-karta. U jekk ir-Ronnie kont tintebaħ bih meta kien ikun tard wisq, lil Dott. Vella konna nitebħu minn ħafna qabel għax miegħu kien iġib riħa taqsam ta' tabakk mil-pipa. Riħa li anke min kienu jdejjquh is-sigaretti kien ixommha tfuħ.
Kien ibexxaq dik il-ħġieġa b'żaqżiqa ħafifa, jaħtaf pin imsaddad bix-xemx, u jwaħħal il-karta. Daqqa ta' pinna malajr għax forsi kien jintebaħ b'xi żball ċkejken, u kif ilesti jerġa jżaqżaq il-ħġieġa lura u jsakkar kollox. Fi triqtu lura kien jerġa jħalli daħna warajh daqs li kieku għadda l-aqwa xarabank minn Putirjal.
Kulħadd kien ikollu ġenn biex jara frankax lezzjoni jew tnejn. Kif taddi d-daħna tal-pipa, l-istampa kienet tkun aktar ċara. Tfal jifirħu li frankaw xi lezzjoni tal-Matematika, u min xi waħda doppja lejn l-aħħar tal-ġurnata. Min jiddispra li tilef l-aqwa lezzjoni għax qed joqorbu l-eżamijiet ta' nofs is-sena, u min ferħan ser jtir għax xorta ma kienx għamel ix-xogħol tad-dar, u ffranka ħasla tajba. Oħrajn, li ma kienx ikollhom waħda, u allura għalihom il-ġurnata kienet tkun waħda normali għal aħħar. Imsomma dik in-naqra karta kienet tfisser il-ġenna jew l-infern, skond mil-liema angolu taraha.
Minn hemm min kien jibqa' jiġġerra barra, sakemm ma jsibx lil xi ħadd jiġri warajh, min jibqa' fil-librerija ħalli jagħmel ftit studju u dik il-lezzjoni ma jitlifx ħinha, u min kien jaħrab lejn il-Wied il-Kbir u jara kif jiddobba sigarett bil-moħbi, jew inkella jerħila lejn id-dar qabel il-ħin previst.
Imma l-qata' tiegħi kienet tkun bdiet minn filgħodu, meta kont nintebaħ li nsejt xi ħaġa warajja, jew xi test li ma ppreparajtx xejn għalih.... u kont nittama' li fuq dik il-karta nara isem l-għalliem ta' dak is-suġġett. Imma le, għax kont beżżul tiegħi kienu jiġu... u mhux hekk kienet tkun xi lezzjoni doppja, ħalli t-test żgur ikun ser jsib il-ħin għalih...
Mhux li kien kif kien ikun hemm id-daħna ta' dik il-pipa tad-Dr. Vella nistaħba fiha u ma nsibx posti fil-klassi għal dak it-test.... u minn hemm mal-wasla tiegħi fil-klassi, kien jibda' t-tgergir ta' stonku u l-għaraq għal dak li ġej għal wiċċi.... x'fettilli ma studjajtx u minn flok intlift fuq 90 Minuto jew Domenica Sportiva?!
Din l-istorja qed tinkiteb b'tifkira għażiża ta' Dott. Biagio Vella, li jien niftakru bħala Assistent Kap fil-Liceo Vassalli tal-Ħandaq, ħabib u kollega ta' Missieri u fuq kollox għalliem uniku b'eżempji xierqa!
Comments
Post a Comment