Tista' tgħid kienet saret tradizzjoni, li nhar l-ewwel ta-sena, eżatt wara l-ikla ta' nofsinhar, konna nerħulha għal dawra lejn in-naħa ta' fuq tal-gżira. Ma kienux l-akwati tagħna allura, il-fatt li qed naqbdu tal-linja kollha f'daqqa u mmorru dawk in-naħat kienet xi ħaġa kbira.
Niftakar sew li dawk iż-żminijiet ma kienux daqstant popolari l-ikliet fir-ristoranti. L-ikliet tal-Milied u tas-sena l-ġdida kienu dejjem xi ħaġa li ssir id-dar, u jekk mhux id-dar għand in-Nanna jew għand xi zija, Msomma, kienet ġabra tal-familja kollha, u li aħna bħala kuġini kien żmien sabiħ li niltaqaw u nilagħbu kollha flimkien. Pero' din id-dawra wara nofsinhar kont nistenniha ħafna iktar. Forsi illum lanqas toħlomha li tfal jieħdu pjaċir b'dawra fuq karozza tal-linja, imma dan kien żmien ieħor tassew.
Wara kedda biex nitkbu minn naħa tagħna, b'xi mod konna nibdew it-triq lejn Buġibba, li ħafna drabi kienet tkun id-destinazzjoni tagħna. Vjaġġ fuq tal-linja kien diġa avventura...vjaġġ twil fuq tal-linja kien ġabra sħiħa ta' stejjer. Tibda' biex sa Birkirkara karozza kienet tkun diġa mtliet, u tibda' tara bosta jxejru idejhom għalxejn għax konna nibqaw għaddejjin. Ma' l-ewwel ċans kont niprova nieħu posti fuq is-seat ta maġemb ix-xufier. Hemm fost is-sħana tal-magna, riħa taqsam ta' diżil u ċ-ċaqlieq tan-numru mal-ħġieġa ta' quddiem, kien l' hena tiegħi nara x-xufier jissielet ma kull gear li jdaħħal u kif kien jirnexxielu jċaqlaq dak it-trakk daqsiex.
Waqt il-vjaġġ kont tilmaħ min jissielet biex iżomm sod u ma jaqax, min nofs siequ fuq l-istaffa lest biex jaqbeż kif ix-xarabank joqrob lejn l-istage, u min mitluf f'xi posta rużarju tul il-vjaġġ kollu. Il-bqija kont nifli d-dettalji ta' dak l-imbierek trakk.... qanpiena ippolixjata bid-daqqiet ta' kemm 'il darba indaqqet.... In God we Trust miktuba b'tant reqqa minn xi ħadd tajjeb fit-tberfil.... statwa tad-Duluri tiċċaqlaq ma' kull skoss tat-triq.... kaxxa għal biljetti użati li mar-riħ nofshom kienu jispiċċaw itiru xorta oħra fit-triq jew mal-art fit-trakk stess. Umbad ma kienx jonqos xi barmil u xkupa taħt l-ewwel seat, u xi ġgajta żgħażagħ kollhom storbju...li snin wara spiċċajt bħalhom nixxadinja fuq l-istess mezz tat-trasport.
B'dawn l-avventuri kollha l-vjaġġ lejn Buġibba lanqas kont tarah. Kif konna noqorbu lejn il-pjazza prinċipali kont tara ħafna moviment fost dawk li jew għajjew bilwieqfa, jew li tkissru bilqieghda u jħossu kull skoss ġo dahrom.
U minn naħa tiegħi kont nistenna biss, li nibdew it-triq lura, ħalli l-istess avventura nerġa naraha quddiemi....din id-darba nofsi bi ngħas u probabbli lanqas nintebaħ li wasalna lura d-dar!
Xi żminijiet sbieħ! Kitba tajba li tqanqal bosta tifkiriet u emozzjonijiet! Malta u ħajja iktar sempliċi, b'ritmu inqas mgħaġġel, u forsi iktar ferħ u kuntentizza fi qlubna.
ReplyDeleteGrazzi tal-kummenti sbieh tiegħek. Napprezza tassew l-apprezzament ta' kull min ikompli jħeġġiġni nżid aktar kitbiet ta' nostalġija.
Delete