Il-Misteru tal-Bambin

 

Sal-llum għadu misteru kif seħħ kollox u kulħadd għadu bid-dubji tiegħu x'sar minnu l-Bambin dakinhar li kellu jkun iċ-ċentru tax-xena kollha.

Niftakar sew li konna illna mhux ħażin l-iskola nippreparaw għal rappreżentazzjoni ħajja tal-ġrajja tal-Milied.  Kollha kemm aħna konna anzjużi mhux ħażin għal dik il-ġurnata li s-Surmast kien għażel sabiex minflok il-kunċert tradizzjonali issir din l-attivita'.  Kienu bosta li tefgħu isimhom b'interess li jieħdu sehem f'xi ħaġa mhux tas-soltu.  Fuq kollox dakinhar ukoll, l-iskola kienet ser tinfetaħ għal ġenituri u flimkien magħhom naqsmu dan il-mument, li fostna t-tfal kien inissel aktar ferħ milli fil-kbar.

Meta ż-żmien tal-ġbir tal-ismijiet spiċċa, l-għalliema li ġew fdati b'din il-biċċa xogħol bdew iqasmu l-irwoli li kulħadd kellu jieħu.  U hawn appuntu fejn beda l-għawġ kollu.  It-tifla bl-aktar għajnejn żoroq u xagħar isfar aġġudikat il-parti prinċipali ta' Marija, anke jekk fir-realta' dawn il-fattizzi huma totalment differenti ma dik li setgħet kienet ir-realta ta' tifla mil-Palestina.  

Tifel naqra kabbari u li jiżboq lil kulħadd fit-tul, kien intgħażel fil-parti ta' Ġużeppi.  Bil-kontra tal-karattru propja ta' Ġużeppi, dan it-tifel kien wieħed fuq ruħu mhux ħażin, u mhux l-ewwel darba li spiċċa fl-inkwiet ma l-oħrajn.

Tliet itfal intgħażlu sabiex ikunu s-Slaten Maġi, b'wieħed samrani jitgħażel b'mod naturali għax għal xi raġuni jew oħra wieħed mis-slaten dejjem jitpenġa 'iswed', allura raw lil dan it-tfajjel f'waqtu.

Żewġt itfal (li ma nafx b'liema kriterji ntgħażlu) ħadu l-parti ta' baqra u ħmara.  Ma niftakarx li qabżu bil-ferħ kif kienu jafu x'ser jkun l-irwol tagħhom, pero b'xi mod aċċettaw.  Il-bqija tat-tfal, jien fosthom, konna kollha min anġlu (meta fir-realta' kont kompletament differenti) jew wieħed mir-rgħajja.

Kulħadd kien allokat kostum ħalli r-reċita tkun aktar f'waqtha u fuq kollox tkun aktar kif xieraq.  It-tifla b'għajnejn żoroq kellha tieħu ħsieb li ġġib magħha pupa sabiex titpoġġa fil-maxtura u tirrapreżenta lil Ġesu Bambin.

Ġara li dakinhar fost il-ħafna ġenn ta' preparazzjoni tal-aħħar minuti, u tfal li jaqbadhom pipi eżatt qabel jibda' kollox, u eżatt malli l-purtiera tal-palk bdiet tinfetaħ b'sala mimlija ġenituri jistennew li jaraw lil uliedhom, xi ħadd fl-aħħar intebaħ li l-maxtura kienet nieqsa mil-attur prinċipali... il-pupa fl-irwol tal-Bambin.

La konna bdejna, bdejna.  It-tifla ta' għajnejha żoroq bdiet tħuf tfittex min kien ser jġib pupa għal dik il-maxtura vojta.  Fl-istess ħin li għajnejha bdew idemmaw, kont tara l-baqra u ħmara maqsumin bid-daħk jaraw l-maġi jsellmu u jqimu maxtura vojta.  L-anġlu jaqra l-linji tiegħu minn fuq il-pala ta' jdejħ u jipponta lejn Bambin li ma kiex hemm.  Il-misteru kompla jikber meta x-xena finali kellha tkun Ġużeppi jerfa t-tarbija f'idejħ u jgħid l-aktar linja mportanti fir-reċita' kollha, li b'idu f'idu ftit baqgħet tagħmel sens, jekk mhux ukoll spiċċat ftit umoristika' ukoll.

U malli l-purtiera tal-palk ingħalqet u fost min jidħak u min jibki, wieħed mir-rgħajja, wara serata mitfuħ għal tulu fl-art, mar biex iqum minn postu, instabet pupa mgeżwra fost ħafna drapp li dak ir-ragħaj spiċċa użaħha minflok imħadda.  Dan wasal biex id-daħk u l-biki żdied mhux ftit, bl-għalliema tispiċċa kważi ħass ħażin li l-Bambin spiċċa b'dik ix-xorti!

Almenu t-tifla ta' għajnejha żoroq sabet il-pupa tagħha, imma aħna bqajna niftaktu dik il-ġrajja bħala l-Milied tal-misteru tal-Bambin! 

Comments