Il-Fatat ta' Għawdex!

 


Niftakar meta konna mmorru Għawdex, dejjem kienu jkunu ġranet speċjali.  Li tmur Għawdex ma' tal-iskola, aktar.  Fi żmien missieri kien għalliem tal-Ġeografija, allura ta' kull sena kien itella' grupp ta' tfal li jkunu marru tajjeb fl-eżamijiet ta' nofs is-sena, għal ftit ġranet Għawdex fejn il-teorija tas-suġġett kienet tinbidel fi prattika.  Bosta studenti minn tiegħu għadhom jiftakru sew dawn il-ġranet.  Jien xejn inqas, li għalkemm ma kontx daqstant akkanit għas-suġġett, dawk l-erba' t'ijiem ma kont nitlifhom.

Normalment konna mmorru f'dak li fi żmien kien Hostel, u llum hija l-iskola Primarja ta' San Lawrenz.  Il-post kien ndera minn kulħadd, għax fuq kollox kien mgħammar tajjeb u kif suppost.  Ġara li sena minnhom ftit qabel waslu dawn il-ġranet tant mistennija, il-post ingħalaq, u biex ma jidiżappunta lil ħadd, missieri fittex alternattiva oħra.

Il-post kien sabu qrib il-knisja ta' Sant' Antnin fil-limiti ta' Għajnsielem u fit-triq lejn il-Qala.  Niftakar sew li din id-dar kienet amministrata mil-patrijiet tal-akwati u li kienu laqgħu t-talba li jospitawna hemm.  Id-dar kienet għal kollox differenti mil-ambjent ta' San Lawrenz, u għal bosta kienet diġa turi li ġejja avventura.  Il-ġenn tal-bidu ma jonqosx, min irid sodda naħa, min ma jridx jorqod fejn l-ieħor għax jonħor.  Imsomma, ftit ftit kulħadd kien sab postu sew.

Niftakar sew li l-ewwel ġranet għaddew sew u l-programm mexa kif kien mħabbar.  Li ma tħabbarx kien maltempata tajba li nqalat lejl minnhom.  Għad li kull lejl kien diffiċli torqod ħabba xi ċajt minn sħabek, jew xi farsa li jidħak kulħadd, dak il-lejl kien differenti.  Il-maltempata kienet biżżejjed qawwija li beda dieħel ilma minn kull tieqa u fil fil-ħajt, tant li bosta spiċċaw bi ħwejjiġom għasra.  Biex tkompli, sajjetta qatgħet id-dawl fost it-twerżieq ta' kulħadd.  Lejl sħiħ u kulħadd jixkupa fid-dlam l-ilma minn dak il-post, u fl-istess ħin ta' tfal li konna kompla jżid mal-avventura ta' dawk il-jiem.

L-għada filgħodu kulħadd qam jiprova jnixxef l-affarijiet, u jagħmel kont ta' x'seta salva minn dawk l-ilmijiet.  Dan kollu sakemm wieħed minnha fettilu jiftaħ fommu u jsemmi li matul dak il-ġenn tal-lejl sema' xi ilħna u ħsejjes... dak kien jonqos...xi ħares jew fatat!

Lejl kien jonqos biex imorru lura d-dar.  Li naf żgur li dak il-lejl ħadd ma daħak jew tniffes minn soddtu.  Kulħadd għal lest b'xi torch taħt l-imħadda għal li seta' jinqala.  Kull tant ħin bdejna nisimgħu xi bieba żżaqżaq jew xi tieqa tinstabat, u kulħadd jinaqata' minn ġewwa.  Wara ftit tal-ħin u kulħadd jerġa jieħu r-ruħ, konna nisimgħu xi ħaġa oħra tiċċaqlaq, jew ħoss qisu ta' kuċċarina taqa'.  Ħadd ma kien sew, u faċli kien li b'dawk il-ħsejjes strambi tispiċċa biex tagħmel taħtek bil-biża!

Imsomma, bi ftit tensjoni, sebaħ u kulħadd beda jipprepara ħalli ninżlu lejn il-vapur.  Il-vjaġġ lura kulħadd beda jħares lejn dik il-gżira ħelwa li dejjem kienet ittina avventuri ġodda, u dik is-sena xejn inqas bil-biża tal-fatat!  

Kulħadd daħal f'qoxortu dak il-lejl... kulħadd?  Ħlief tnejn partikulari li vjaġġ lura kienu għamluh jiddieħku ras mb'ras, probabbilment għax kienu jafu l-fatat sew.

Naħseb jien anke' x'jismu kienu jafu!

Comments

  1. Proset Daniel li jirnexcielek tnissilli tbissima u dahqa b'dan il blogg.

    ReplyDelete
  2. Proset hafna

    ReplyDelete

Post a Comment