Niftakar meta konna nkunu ċorma tfal u ħadd ma kien ikollu ballun kienet tkun qisa l-aħħar tad-dinja. Mhux biċ-ċajt, imma dik li kont tara lil xi ħadd ġej b'imqar biċċa ballun, kont tarah anġlu. Mil-bogħod kont tarah ġej b'ballun f'dik il-borża tal-plastik imdendla mal-basket wara dahru. Kien kollox!
Ballun kien ifisser kollox....ġiri, divertiment, kompetizzjoni u ħafna aktar. Għalkemm forsi l-maġġoranza tagħna ħadd ma kien xi stilla tal-futbol, xorta kien żvog kbir għalina. Il-futbol kien passjoni li qatt ma konna ser ninsew fost il-ħafna logħob li konna nilgħabu.
Li jkollok ballun fost sħabek kien l-aqwa għodda biex tħossok superjuri fuq l-oħrajn. Il-ballun kien jikkmanda min jagħmel il-liġi, u fuq kollox kif ser titqassam il-logħba, min jilgħab u min ma jilgħabx u fuq kollox kemm ser iddum il-logħba. Kull tifel xtaqt ikun hu b'dak il-poter.
Kull tifel tista' tgħid kellu ballun, pero kien fatt magħruf li ħafna kienu jibżgħu jew jiddejqu li jġibu l-ballun tagħhom. Kull daqqa u kull girfa lil dak il-ballun kont tħossha ġo qalbek. Kont tkun taf li kien xi rigal, jew inkella nfaqt il-pocket money kollu biex xtrajtu, allura l-aħħar ħaġa li tkun trid hu li jiġri xi ħaġa lil ballun. Iktar u iktar jekk maċ-ċorma kienet tiżdied xi klikka li qatt ma kont tkun rajthom qabel. Qalbek tagħmel tikk kif tersaq lejn il-pjazza u nzerta li tiegħek ikun l-unika ballun fil-madwar!
Jum fost l-oħrajn din is-sitwazzjoni ġrat lili. Mid-dar kont diġa lestejt il-ballun, ħalli dakinhar il-logħba nikmandaha jien. Ir-riħa li kien jarmi dak il-ballun tal-ġilda abjad u iswed kien ifakkarni fl-avventuri kollha. Kemm 'il darba weħel taħt xi karozza, u t-tisbit kollu mal-bieb tal-garaxx.
Kif sibt ruħi fil-pjazza bil-ballun, l-istorja inbidlet, u din id-darba r-regoli beda jagħmilhom min kien l-ikbar, u forsi kien jifhem aktar fil-ballun. Dan kien jurih billi qabel tibda' l-logħoba kien jibda' jħabbat bis-saħħa l-ballun mal-art u jafsu biex jara hux sod biżżejjed għas-saħħa tiegħu. Bil-mod kont nibla' l-ftit bżieq li kien ikun fadalli f'ilsieni!
Mal-ħin il-logħba tibda'... it-tfal il-ġodda tinduna aktar li huma ferm aħjar minn naħa tagħna. Kont tħossok Malta kontra Spanja fil-famuża logħba li fiha Malta qalgħet 12 -il ġowl u ċamata li tibqa' tiftakarha. Il-ballun tiegħi ma bdejtx nagħrfu...kull mossa li konna qed nagħmlu kienet ġejja kontra. Għalkemm minn taħt, fl-istess ħin ma stajtx inwaqqaf dik il-kompetizzjoni u pika liema bħalha....dan sakemm wieħed mil-oħrajn ivenven xutt li qabeż il-ħajt ta' faċċata, li qatt ma ġrat qabel.
Qalbi waqfet...nara l-ballun sejjer 'il bogħod qisu qed jaħrab minn dawk id-daqqiet kollha. U issa? Il-klikka kif raw hekk, indunaw li l-logħoba spiċċat hemm, u bdew sejrin l'hemm. Bosta minn sħabi sabu skuża li sar il-ħin jew li qabadhom il-ġuħ. U jien hemm....iċċassat niprova nifhem fejn spiċċa l-ballun. Alla biss jaf. Qatt ma sibt kif stajt indur fuq in-naħa l-oħra tal-ħajt biex insibu lura.
Nkiss nkiss kont mort lura id-dar idi f'idi, mingħajr ma għidt xejn. Ikollok dik id-dieqa li tlift xi ħaġa tassew għal qalbek. Kif tidħol fis-sodda, u tibda' tqattar ix-xita terġa tiftakar li hemm barra ħallejt parti minnek. U daqshekk xammejt fih r-riħa ta' avventuri... u mil-għada ma' kull logħba futbol f'dik il-pjazza ħarsti baqgħet lejn dak il-ħajt għoli, fejn naf li x'imkien warajh, hemm ħabib għal qalbi!
Comments
Post a Comment