Wara Sajf sħiħ tiddeverti u tittanta x-xemx għaddejja, kienet tolqtok qisa sajjetta fil-bnazzi l-ġurnata li terġa tibda' l-iskola. Kont tkun drajt li filgħodu kollox tieħu bil-kwiet, tilbes xorts u flokk u ġirja 'l barra. Issa erġajt ridt tqum kmieni u tilbes dik l-uniformi li ma kont tista' għaliha, speċjalment dak il-qalziet twil u jxewwek.
Il-qata ikbar kienet tkun meta mhux talli bdiet l-iskola, imma talli tkun ser tibda' ġo skola ġdida. Filli kont fis-sitt sena tal-Primarja, u kont tħossok mal-kbar tal-iskola, u filli terġa tiġi fl-ewwel sena u fost iż-żgħar ta' skola kbira. U dan il-mument, bħal ħaddieħor qabli, ġie fuqi ukoll. Mil-iskola Primarja ta' Raħal Ġdid, spiċċajt il-Liceo Vassalli Tal-Ħandaq. Skola kbira b'arja vasta li anke taħseb biss kont taqta' qalbek kif ser issib ruħek f'dak il-post.
L-ewwel sena hemm ġew niftakru sew, partikularment il-wasla fil-post u ssib ruħek dieħel fil-Hall qabel kollox. Sala mdaqqsa ta' żmien s-Servizzi Ingliżi li qabel kienet tospita l-ballijiet u ikliet importanti, issa qed tilqa' l-istudenti kollha ta' dik l-iskola. Min kollu arja għax qed jagħmel ritwal li issa dara sew, u min bħali dieħel f'dik l-arena għal ewwel darba. Iż-żaqżiq ta' dik l-art tal-injam u ħsejjes tal-fannijiet tal-ħadid fuq rasek, u fuq kollox tistenna x'ser jsir.
Fost il-kunfużżjoni ta' tfal jipruvaw isibu post bilqiegħda, oħrajn jiġu bbuljati sabiex iqumu għal ħaddieħor, u oħrajn lanqas jafu x'laqathom, fuq il-palk kien tfaċċa l-kap tal-Iskola, dak iż-żmien is-Sur Testa. Karattru aħrax u żorr u ta' dixxiplina kbira, li aktar tard f'ħajti kelli x-xorti nkun naf kemm kellu qalb kbira u karattru differenti minn kif konna narawh l-iskola. Niftakar ċar kif sala storbju kienet tiskot mal-ewwel nefħa fil-mikrofonu mingħandu. Anke l-aktar studenti fuq ruħhom ma kienux jiċċajtaw.
Minn hemm kienet tibda' latanija sħiħa ta' struzzjonijiet u regoli li kienet taċċetta l-iskola, u fuq kollox dixxiplina li kont tissogra jew tikser xi waħda mir-regoli. Qalbek kienet tibda' tħabbat fejn spiċċajt, imma fuq kollox tibda' tinduna li issa m'għadekx dak it-tifel żgħir tal-Primarja.
Pass pass wara tbesbisa tajba, konna nibdew nitqasmu fil-klassijiet tagħna, issir taf il-kunċett ta' Form Teacher, min hu, u fuq kollox min huma sħabek tal-klassi, li għad-differenza issa ġejjin minn Malta kollha.
Skola ġdida... f'ġurnata li fi ftit tal-ħin tkun ħassejtek tikber... u dik l-iskola ftit ftit, għalkemm dak iż-żmien tkun tobgħodha, fil-qiegħ ta' qalbek tkun tħobbha, u illum il-ġurnata, tiftakar b'ċerta nostalġija fuqha...
....u forsi bħali tixtieq terġa tkun bilqiegħda hemm f'dik is-sala tisma' dak il-kliem li llum forsi taf tixtarru ħafna aktar minn dakinhar li smajtu!
Comments
Post a Comment