Qatt ma kienet faċli li tniżżilha li titlef logħba boċċi. Fuq kollox dik il-logħba kont tkun ilek tilgħabha żmien twil. Il-bankina u l-biċċa triq ta' quddiem id-dar kont tkun drajt il-ħofor u x-xaqlib tagħha kollu. Allura li jiġi tifel li qatt ma tkun rajtu b'għajnejk u jirbaħlek il-boċċa l-favorita taħt il-bankina tiegħek, ma kont tniżżilha qatt.
Sħabek kienu jindunaw ukoll li tkun minn taħt, u flimkien jibdew jgħajjtu u jissaportjawk kontra dak il-barrani li qatt ma kien lagħab magħna. Fuq kollox dejjem kont issib lil xi ħadd minnhom li jiprova jara li ma jkunx qiegħed iqqarraq fil-logħob, għax anke huma ma setgħux jifhmu kif kont qed nitlef. Il-logħba tal-boċċi hekk kienet. Taf kont tħossok l-aqwa, pero fi ftit tal-ħin stajt titlef kollox. Fl-istess ħin ġieli kien hemm mumenti li l-logħob ma jibdiex ġej favurik, pero' mhux taħt il-bankina tagħna.
Imma fuq kollox dan it-tifel min kien, u mnejn ġie. Niftakar sew wiċċu, b'xagħru safrani u b'għajnejh lewn is-silġ. Kien sab lili u lil sħabi mitlufin madwar ħofra żgħira bi ftit boċċi u nisfidaw lilna nfusna għal pjaċir mingħajr ħadd ma jitlef xejn. Logħob għal pjaċir, u fl-istess ħin ngħaddu l-Ħadd wara nofsinhar sakemm tinżel ix-xemx.
Niftakru sew kien resaq lejna, u wara ftit josserva t-talent li kellna, sfidana għal logħba. Tifel għaddej fit-triq li f'daqqa waħda kien lest għal logħba boċċi. Dorna dritt lejh li jekk ried jilgħab ried ikollu l-boċċi tiegħu, u mhux jistenna li jissellef tagħna. Fil-pront kien ħareġ ħamest boċċiet ta' kull kulur. Qajla konna qatt rajna minnhom, u l-kulur li bdew jitfaw f'dik in-naqra xemx li kien fadal kien biżżejjed sabiex nidħlu għal dik l-isfida.
Kien tifel ta' ftit kliem, u aktar tkellimna aħna u l-logħoba fehema mil-ewwel. Tlaqt jien u l-boċċa marret eżatt fejn xtaqtha. Mal-ħabta mal-art tajret dak il-ftit trab li kien hemm, u hekk kif waqfet kont inħossni għamilt l-aqwa kolp. It-tfajjel l-ieħor lesta għal kolp tiegħu. Kien diffiċli li jqarreb aktar lejn it-tarf tal-bankina. Fuq kollox fejn kienet il-boċċa tiegħi kien hemm ħofra mdaqqsa li kienet tostakola li jirbaħ. Ħa l-qagħda u f'nifs il-boċċa tiegħu bħal donnha taret fuq wiċċ il-ħofra u waqfet pulzier 'il ġewwa minn tiegħi. Kieku ma rajniehiex b'għajnejna konna ngħidu li l-boċċa msaħħra. Kif jista' jkun?
Minn hemm bil-kalma kollha mexa', qabad il-boċċa tiegħu u tiegħi li kien għadu kemm rebaħ..."Oħra?" qalli pront....u għamilna....u pratikament ġara l-istess...għal darba...darbtejn...tlieta.... Ma jistax ikun! Tlift erba' logħbiet infila.... qatt ma kienet! Kif ċedejt għax ma flaħtx aktar għal dak it-telf...niftakru jerġa' jaqbad il-boċċi tiegħu, nerfhilhom it-trab, u poġġihom ġo borża tal-bellus sewda, daqs li kieku kienu flus tad-deheb...pero l-boċċi li rebaħ żammhom fil-but, u ma ħallathomx ma l-oħrajn.
Kif ġie nkiss nkiss, telaq inkiss inkiss... u qatt ma erġajna rajnieh b'nemes. Lanqas ismu ma laħaq qalilna. Pero t-telfa ta' dawk il-boċċi bqajt niftakarha sew għax qatt ma kienet.
Ftit taż-żmien ilu kont qed nqalleb fuq l-Internet, u nżertajt filmat qasir fuq logħob antik. Ninzerta xwejjaħ ingliż jispjega logħba boċċi. Min borża tal-bellus, ħareġ erba' boċċiet b'ilwien sabieħ. Beda jispjega li l-boċċi kienu partikulari, għax kellhom mezz kif b'ċerta abilita' jirnexxielek tmexxihom fejn trid għax kienu mbabbsa minn ġewwa b'tip ta' piż apposta... boċċi li fi ftit tal-ħin erġajt ftakart f'din l-istorja li qed naqsam magħkom.
Jekk nerġa naraħ lil dak il-Ġinġer... ngħidlu li seraqni erba' boċċiet u li issa, ħafna snin wara, sirt naf kif irnexxielu!
Comments
Post a Comment