Niftakar meta n-Nanna kienet tibda' tippjana sabiex iżżur liz-zija li snin qabel kienet emigrat u kabbret familja ġewwa l-Kanada. Bħal ħafna, darba kienet telqgħet minn din il-gzira, għamlet minn kollox sabiex tirnexxi f'dik l-art barranija. Oħrajn, u forsi xi ftit iz-zija, kien ikollhom ħafna nostalġija tal-art li ħallew warajhom. In-Nanna minn naħa tagħha kienet forsi għadha taħseb li z-zija forsi għal-fatt li telqgħet minn Malta, kienet qed tbati, allura kellha bżonn tmur ħdejha.
U din il-miġja f'art daqstant 'il bogħod għal mara mhux żgħira fl-eta, kienet tqabqal lil bqija tal-familja. Minn ġranet qabel ommi u l-bqija taz-zijiet kienu jmorru jgħinuha fil-preparazzjoni ta' kollox. Ma kienx hawn mezzi bħal tal-llum...Internet...mobiles...u x'naf jien. Kollox preparat permezz ta' aġent li jieħu ħsieb kollox fejn jidħol biljetti. Il-bqija, trid taħseb int, imma fuq kollox dak iż-żmien ma kien hemm restrizzjonijiet ta' xejn. U meta ngħid ta' xejn.... vera ta' xejn.
Il-bagalja tan-Nanna konna narawha qisha l-bagalja ta' Mary Poppins. F'bagalja mdaqqsa kien jsib postu kollox. Naħseb kien hemm mumenti li n-Nanna kienet taħseb li ġewwa l-Kanada, iz-zija qieghda tbati l-ġuħ u l-għaks. Pakketti u luminati....pastizzi friżati....u darba minnhom anke fenek ifriżat. Ridt tara biex temmen, kif din l-anzjana li bil-kemm kienet tidher, ser tgħaddi minn pajjiż barrani b'bagalja kważi ikbar minnha u mimlija b'dan kollu.
Il-ġlieda ta' dejjem kienet kif l-imniefaħ ser tingħalaq din il-bagalja. Hawn konna nidħlu jien u l-bqija tal-kuġini naqbżu fuqha sakemm kienet tkun mitluqa fuq sodda tat-tiben. Ma' kull qabża kont tisma' lilna nidku b'dak kollu li qiegħda iġġorr n-Nanna lejn il-Kanada.... u mad-daħk tisma' elf ħoss li la taf kienux saqajn il-fenek, jew xi flixkun...jew xi ħaġa oħra. Dik il-kamra mudlama kienet timtela' daħk u trab tat-tiben mis-saqqu... sakemm fl-aħħar dik il-bagalja kienet tingħalaq!
Żgur li n-Nanna dejjem waslet kollox qawwi u sħiħ sal-Kanada...u z-Zija dejjem ferħet bl-affarijiet li kienet tkun ġarret magħha n-Nanna... u aħna?
Aħna dejjem bqajna nistaqsu kif kien jirnexxielha dan kollu n-Nanna.... u probabilment, min kien il-vittma li kienet tqabbad sabiex iġorrielha tul dak il-vjaġġ kollu!
Comments
Post a Comment