Niftakar meta konna niltaqgħu grupp ġmielu u wara ħafna argumenti u proposti, konna naqblu li mmorru sal-Axis!
Taqbida oħra kienet tinqala' biex naqbdu tal-linja mil-venda tal-Belt. Kedda u bejn imbottatura u bejn xi waħda tgħajjat li fost dik ir-rassa xi ħadd qabdilha l-warrani, konna fl-aħħar nsibu postna mrassin qisna sardin fuq ix-xarabank għal Paceville!
Kif naslu, nerġgħu l-istess argument, għax min reġa bdielu u jrid imur Styx jew Footloose, Tremors jew il-Clouds. Msomma, b'xi mod konna nerġgħu nsibu kompromess u nerħulha għal Axis. L-iskop l-aktar kien li naslu kmieni u nilħqu l-famuż laser show tal-bidu. Pero' minn kantuniera bogħod inkunu diġa lmaħħna kju ta' nies lesti biex jidħlu.
U minn hemm kienet tibqa' qalbna tħabbat li fuq kollox jirnexxielna nidħlu. Min ineħħi l-misluta, min jisħet is-siegħa li ġie bil-jeans u min jiprova jiġbor ġieħu biex jidher tifel sew u ħaqqu jidħol f'dak il-post meqjus bħaħa mekka għad-divertiment. Ma' dawk tal-bieb ma kienx hemm ċajt, u ma ridt xejn biex għal xejn b'xejn titwarrab u ma titħalliex tidħol, u ma kienx hemm paroli. Imma jekk jirnexxielek tidħol kont tmur dritt fuq tal-biljetti u tnewwillu l-polz ħalli jfaqqallek daqqa ta' tibru bħala prova. Prova li kont tibqa' tiddandan biha anke sal-għada meta tmur lura l-iskola, u turi lil kulħadd li kont hemm u rnexxielek tidħol!
Imsomma, darba ġewwa, fost ir-rassa, riħa taqsam ta' għaraq u fwejjaħ imħalta, kont tiprova issib rokna tajba ħalli tara dawk ir-raġġi ħodor jduru fost id-duħħan artifiċjali tal-ismoke machine! Mużika għolja u sħabek jippruvaw jgħajjtu aktar biex forsi nifthemu kemm ser ndumu hemm ġew u fi x'ħin ser naqbdu t-triq lura. Wara dan kollu kont tintefa' fuq id-dance floor tispera li l-mossi li tgħallimt minn fuq it-televixin jimpressjonaw fit-tajjeb lil xi ħadd u fuq kollox minn hemm ġew forsi toħroġ mgħannaq ma' xi ħadd li mhux sieħbek fis-sakra!
Meta fl-aħħar isiru l-għaxra neqsin kwart kont tibda' tiprova ssib triqtek 'il barra minn dak il-ġenn kollu. Min qed jieħu r-ruħ li sejrin, min jgħid ħa nisma' din tal-aħħar, u min jinduna li għaddiet serata oħra u reġa ma għabbiex!
Darba barra... tlaqna sal-Wembley forsi nsibu taxi lura lejn id-dar... għax tal-linja ilhom li spiċċaw!
Comments
Post a Comment