Niftakar meta l-festa kienet tassew differenti. Raħal twelidi, l-Fgura, l-festa ma kienet xejn speċjali. Kważi kważi lanqas konna nkunu nafu li waslet. Nar pratikament xejn u forsi xi banda mistiedna ħalli tagħmel ħoss. Fuq kollox kien raħal pratikament ġdid, u ħafna minn dawk li ġew joqgħodu hawn kienu għadhom marbuta mal-festa ta' raħalhom aktar milli ta' din l-festa li fejn l-oħrajn kienet wisq żgħira.
Ġaladarba l-vaganzi tas-Sajf kont inqattahom Għawdex, eżattament ix-Xagħra, allura kont aktar miġbud lejn din il-festa. Għalkemm forsi kienet tasal fi żmien meta kont nintebaħ li l-vaganzi qed joqorbu lejn tmiemhom, xorta kont niħol sew fiha. Fuq kollox ħafna minn sħabi li kont nqatta' l-ħin nilgħab magħhom, kienu jibdew inaqqsu mil-logħob sabiex jagħtu daqqa t'id huma ukoll fl-armar tat-triq. B'hekk ukoll ma kelliex għażla oħra ħlief li ningħaqad magħhom, u niżżattat għal xi ħaġa li f'ħajti qatt ma kont għamilt.
Niftakar l-armar tat-triq partikulari kien jieħu hsiebha ċerta Dun Anton. Warajh kont issib ruxmata subien min imħeġġeġ għal armar minn familtu, u min qiegħed hemm għan-numru u kien ikun aktar mitluf milli jgħin. Jien kont niprova nkun fl-ewwel grupp, avolja kien hemm okkażjonijiet li ma kontx inkun naf x'laqatni.
Dak l-ispirtu ta' armar, u dak l-entużjażmu ta' kulħadd, jekk ma kellu xejn kien jdaħlek aktar fil-ħeġġa għal jum tal-festa. Wara ġranet sħaħ ta' armar, fl-aħħar kien jasal il-jum tal-festa, u bħal kull raħal ieħor kien jiġi organizzat l-marċ ta' filgħodu. Il-brijju ma kienx jonqos, u fuq kollox kien il-mument li bosta jiċċellebrawh ma' dawk għeżież, li kienu jiġu litteralment mil-erba' irjiħat tad-dinja!
Msomma, waqt dan il-marċ kont issib bosta żgħażagħ jiġru b'kull forma ta' armar... minn umbrelel tal-baħar, għal bżieżaq bojod u blu... u fuq kollox xi erbgħa aktar fuq ruħhom b'xi xkora sufarelli...kollha lesti għal ħruq. U mal-ewwel daqqa tal-banda, kien jibda' l-ħruq ta' wieħed wara l-ieħor...u ieħor....sakemm il-pjazza kienet tispiċċa daħna waħda u qajla kont tara li min qiegħed ħdejk. Il-bandisti bi qtugħ ta' nifs għal dik il-foga, kienu jagħmlu sforz doppju biex il-marċ jitkompla.
Niftakar sena minnhom ġietni l-ħajra li mmur fuq ġuvnott minnhom u nitolbu sufarell. Fuq kollox wieħed fejn xkora sħiħa fejn ser jħossu? Aktar u aktar, bir-riħa ta' birra taqsam li kellu fuqu, qajla kien ser jiftakar li tani wieħed. Hekk għamilt, u fil-pront tani wieħed...qalli ejja ħa naqbżu u nagħmlu l-briju... prova oħra li kien fis-sakra!
B'dan is-sufarell f'idi, mingħajr qatt ma naf li xehelt wieħed, f'kemm ili ngħidlek nara lighter tixxgħelli t-tarf tiegħu...u f'leħħa ta' berqa beda jsaffar u jżid ma dik il-foga tal-pjazza. B'id nżomm dan is-sufarell isafar, u bl-oħra niprova nżomm widnejja magħluqa.
U għalkemm b'daħna ma tara lil ħadd, xorta lemaħni minn qatt ma kellu jarani b'dak is-sufarell jaqbad f'idi...
.... u tarahom jigdmu l-pala ta' jdejhom, kont ninduna li xejn ma ħadu gost b'dak li raw!
Comments
Post a Comment