Il-vaganzi - l-ġranet 'il bogħod mil-iskola

 


Niftakar meta kienet iddoqq l-aħħar qanpiena tal-iskola qabel jibdew il-vaganzi tas-Sajf, kien ikolli f'rasi elf ħaġa li ngħid li għandi nagħmel.  Fuq kollox kont inkun mħeġġeġ sabiex l-kotba ma nitlaqhomx, u tal-inqas kont nipprova naqra ktieb fil-ġimgħa.  Pero moħħi kien aktar mitfuh fuq il-logħob u fuq kollox is-siegħat ta' divertiment fit-triq, speċjalment meta konna mmorru x-Xagħra.

Is-sħana tas-Sajf qajla kienet taqtalna qalbna, biss is-siegħat qliel tax-xemx xorta konna naħarbu minnhom.  U hekk kif kienu jdoqqu l-ħamsa, l-ewwel konna niltaqgħu kollha u mmorru nisimgħu quddiesa fil-kappella ta' Sant' Anton Abbati.  Kappella ċkejkna li kull darba li kont nidħol fiha kienet tfakkarni f'xi grajja ta' Wenzu u Rożi jew inkella fil-leġġenda ta' San Dimitri.  Il-ftit nies li kienu jinġemgħu fiha, kienu jkomplu jsaħħuli dan il-ħsieb.

Ma' tmiem il-quddiesa, Dun Anton li kien Kappillan f'din il-kappella, kien iqassam ftit frak tal-ostji lit-tfal li kienu jħabirku sabiex jieħdu ftit minnu.  Il-bqija min ma jilħaqx kien ikun imwiegħed li ser jmissu l-għada...mossa ħelwa li tħajjar t-tfal jirritornaw għal quddiesa oħra.

Minn hemm konna nerħulha għal pjazza ta' Sant' Anton.  Kienet nieqsa ħafna mil-karozzi allura għalina kien l-aqwa post fejn stajna nilgħabu.  It-tfal kienu jiżdiedu ma kull kwarta li tgħaddi, u nassigurakom li hemm għamilt ħbieb kbar, fosthom għadhom ħbeib sal-llum il-ġurnata ħafna snin wara.

Pero, l-aqwa divertiment apparti l-logħob kien jiġi hekk kif jidlam.  Kienu jibdew ħerġin il-kbar bis-siġġijiet wara l-bieb ta' barra għal forsi ftit frisk u sirda ta' filgħaxija.  Frisk li kont tittama jtaffi ftit mil-qilla li tkun ħakmet u li tkun għadek tħossha tiela' mil-art anke tard filgħaxija.

U min mitluq jparla u jirrakonta, u min jgħid xi posta rużarju, u min mitluq għal tulu fuq il-bankina jieħu nagħsa f'dik id-daqsxejn ta' żiffa.  Imma fuq kollox dejjem kont issib lil xi ħadd li kien jaqbad jirrakonta rakkonti mil-passat, ta' x'kien ġara f'lejl simili u kif spiċċat l-istorja ma kien ikun jaf ħadd.  Għadd ta' stejjer li kienu jqajmulna ġisimna xewk xewk, speċjalment meta kienu jirrakuntaw xi ħaġa tal-biża.  B'xi xemgħa ħamra tnemnem fuq wiċċ minn qed jirrakonta, konna aktar nibżgħu...sakemm ma kienx xi ħadd minnha jgħatas u nispiċċaw kollha naqbżu bil-qata'.

Rakkonti u tifkiriet ħelwin, li qajla kont inkun daħħalthom fil-ħsibijiet tiegħi fuq dak li kelli nagħmel fil-vaganzi.  Pero kienu stejjer li kienu jibqgħu f'moħħi meta terġa tibda' l-iskola, u kien ikolli xi komponiment fuq x'għamilt fil-vaganzi.... u hemm niftakar fi sħabi tax-Xagħra, u r-rakkonti tal-biża hekk kif jidlam!



Comments