Il-bitħa tan-Nanna kienet ġabra sħiħa ta' pjanti. Bħal ħafna dik id-daqsxejn ta' rokna fid-dar kienet il-post fejn kienet tqatta ħafna ħin tieħu ħsieb kull xitla. Kienu qishom uliedha ukoll, u mat-tisqijja tagħhom, mhux l-ewwel darba li kont tismagħha tkellimhom.
Jgħidu li jikbru aktar meta tkellimhom bil-ħlewwa, pero ma nafx hux vera. Li hu zgur li għalkemm il-bitħa ma kienetx xi palazz, kienet tassew ġenna. B'xi mod kienet għamlet tinda żgħira allura dejjem kien hemm ftit dell mhux ħażin. Mil-bitħa stajt tisma' l-ammorin isaffar ma kull tisfira tan-Nanna stess. Fl-istess ħin madwar dawk il-pjanti kienet toħroġ fekruna xwejħa li kienet tiftakar lin-Nannu u n-Nanna jinnamraw. Ma tantx niftakar li konna xi ħbieb kbar, aktar u aktar meta mhux l-ewwel darba li kienet tispiċċa parti mil-logħob tiegħi. Povra fekruna!
F'din il-bitħa tawwalija, fuq naħa minnhom kellek il-kamra tan-Nannu, li aħna konna nafuha bħala l-kamra tas-sajd. Fiha kien hemm kull ħaġa li tfakkrek fih u fid-delizzju li kien tant iħobb. Ir-riħa ta' umdita' u ta' affarijiet marbuta mas-sajd għadni niftakrhom sal-llum. Kien post mdallam u sempliċi pero jien li ftit ilħaqt lin-Nannu ħaj, kien biżżejjed sabiex inħossu viċin tiegħi.
Fuq in-naħa l-oħra kien hemm post fejn in-Nanna kienet terfa' affarijiet li ma tridhomx fix-xemx. Xi kaxxa luminata Hi-Spot jew inkella xi ċilindru tal-gass. Ma nafx x'kienet iżomm aktar peress li dik kienet meqjusa kamra li ma kellniex nidħlu... probabilment minħabba l-ħġieġ u l-biża li jaqa' xi ħaġa fuqna. Il-bqija l-bitħa kienet miksija pjanti....ta' kull tip u għamla u qies. Riħa taqsam ta' sardinella u mitt pjanta oħra li kienu l-mimmi t'għajnejha.
U appuntu li kienu mimmi t'għajnejha li darba fost l-oħrajn waqt naqra dawrien li logħob f'din il-bitħa, niftakar li waqqajtilha qasrijja minnhom. Ma nafx kif ma kienetx semgħet il-ħoss qawwi tal-fuħħar jfaqqa' mal-art.
Li hu żgur hu li niftakar li ġbart kollox, u bi ftit logħob erġajt għaqqadt kollox, u tfajt ix-xitla fuq wara tal-ixkaffa li kienet fuqha. Hekk forsi n-Nanna ma kienet tinduna... forsi.
Ma nafx qadtx indunat, li żgur li fil-ġranet ta' wara kienet għamlet maltempata sew u f'din il-bitħa kellha ħsarat mhux ħażin. Kulħadd inkwieta għan-Nanna għax il-ħsara ma kienetx waħda żgħira.
Minn naħa l-oħra.... il-Bambin bħal qisu qabeż għalijja ukoll... għax fost tant ħsarat fil-bitħa... kien hemm ukoll il-famuża qasrija!
Rakkont helu.... nannti wkoll kellha il bitha bhal ma ddiskrevejt int... sahansitra konna ninhaslu fiha fis sajf!
ReplyDelete