Waqa' tajba!

 


Niftakar meta kienet toqrob il-festa ta' San Ġiljan, kien ifisser li ser mmorru aktar spiss għand in-Nanna.  Il-festa kienet iġġib entużjażmu ġdid f'raħal li paragun ma kellux il-ġenn li għandu llum.  Kien żmien li l-festa konna nibdew ngawduha mil-ewwel ġimgħa b'xi quddiesa ma tispiċċa qatt.  Quddiesa li ħafna drabi kont nispiċċa b'xi mudell ta' karozza fil-but u addio x'qed jgħid il-qassis.

Msomma din il-festa kienet tiġbor fiha drawwiet ħelwin, li hemm minnhom għadhom isiru sal-llum il-ġurnata.  Waħda minnhom kienet tkun il-ġostra.  Din ħafna drabi kienet tintrama fil-bajja stess ta' San Ġiljan.  Bil-kontra tal-quddiesa, din kienet ħaġa li kont ninteressa ruħi sew fiha.  Anke il-wasla tal-arblu mdaqqas li mil-ewwel malli jitwaħħal f'postu kont tibda tara rġiel ġejjin bil-bramel mimlijin xaħam, sapun u kull ħaġa possibli li tiżloq u li tagħmel dik il-logħba kważi impossibli.

Sa kemm l-arblu kien jindilek, kont tibda' tara bosta żgħażagħ jinġabru fil-post u kont tinduna mil-ewwel min huma dawk li qatt ma għamlu xi ħaġa hekk, u min minnhom tkun daħlet fil-kalendarju tagħhom għal kull sena.  Magħhom kont tara uħud b'xi żaqq daqsiex, u li bosta jkunu diġa qed jimmaġinawh hu u jieħu t-tisbita ma' wiċċ il-baħar.  Oħrajn kont tarahom ħfief u lesti għal ġirja, u li jimlew l-ispettaturi b'ċerta ħeġġa.

F'kemm ili ngħidlek x-xatt kien jimtela bin-nies, kulħadd lest biex jara kif ser tispiċċa dik il-kompetizzjoni.  Povru dejjem dak li bil-polza kien jitla' l-ewwel wieħed.  Il-massa tax-xaħam u tidlik kienet ħafna minnha tispiċċa kollha ma saqajh.  Fost l-għajjat u l-ħsejjes ta' xi ħadd jirfess xi ħaġa moqżieża, kont tara dan il-povru nieżel dritt għal rasu fil-baħar ta' taħtu.  Sadatant, il-folla kienet tkompli tikber tant li kien ikun hemm dgħajjes bin-nies u oħrajn jintefgħu jgħumu u kienu jsegwu kollox minn perspettiva oħra.

Kif semmejt kien ikun hemm dawk li wara erba' passi kienu jaqgħu...oħrajn kienu b'xi mod jgħatu sorpriża jaslu aktar minn dak mistenni, jew inkella anke jaslu sabiex jaħtfu waħda mil-bnadar mdendla fit-tarf ta' dak l-arblu.

Niftakar darba partikulari kien hemm ġuvnott niexef niexef, b'dik in-naqra mustaċċi fuq wiċċu li jikxfu li kien żgħir ħafna.  Kien deher kunfidenti miegħu nnifsu u ta' warajh kienu qishom diġa qed iħossu li l-logħba kienet f'idejh.  Nifs barra u ieħor ġewwa u qabad il-ġirja la ġenba u b'ħeffa tal-għaġeb kien diġa qabel il-limitu li waslu fih dawk kollha ta' qablu.

F' ħin minnhom għamel pass falz u spiċċa b'tisbita tajba b'sieq kull naħa tal-arblu.  Għal ftit sekondi l-folla siktet, u kull ma nstemma kien it-twaħwieħa ta' dak il-ġuvnott hu u jħoss l-ġojjelli tiegħu jinstabtu ma' dik l-għuda iebsa.  Pero' sakemm kien hemm, muġugħ...sab xorta ftit forza oħra sabiex jġebbed idejh tal-aħħar u jaħtaf il-bandiera tat-tarf nett.  Ftit sekondi wara waqa' fil-baħar b'idejh merfugħa 'il fuq b'dik il-bandiera.

Il-folla splodiet f'għajjat u ċapċip għal dak il-ġuvnott u talli għamel dak li kulħadd kien qed jistenna.  Kif tela' ix-xatt, fost ħafna taptip fuq dahru, deher biss wiċċu abjad karti.  Kien jidher bla kliem... pero niftakru ċar li spiċċa b'id waħda jżomm il-bandiera li rebaħ, u bl-oħra iżomm bejn saqajh l-affari li għodu tielef!

Waqgħa tajba tassew!

Comments