Mal-ġranet jaħarqu tas-Sajf, kien dejjem jinżel għasel xi ġelat kiesaħ silġ. Pero fi tfuliti, ftit konna t-tfal li konna niġru bil-flus fil-but. Jekk kien ikollok xi ftit ċenteżmi sabiex titfa' fis-sasla tal-kappillan, u xejn aktar. Il-bit kien ikun xott qoxqox, pero il-kilba għal dak il-ġelat kienet tkun kbira.
U dik l-istess kilba, kienet tkompli tikber kif immorru naqra l-baħar ma' sħabna. In-noti mżarżra tal-vann tal-ġelati xorta kienu jidwu sbieħ f'widnejna, u jkompli jżiedu max-xewqa għal dik ix-xi ħaġa friska. U kif nintebħu li m'għandniex ċenteżmu fuq xiex naħilfu, konna nerġgħu lura għar-realta'.
Dan kollu sakemm xi ħadd kien isib xi flixkun tal-luminata vojt. Dak iż-żmien flixkun (tal-ħġieġ) kien ifisser żewġt ċenteżmi. Mhux ħafna, pero għal tlett t'itfal b'xewqa ta' ġelat kienu speranza qawwija. Minn hemm, u b'sempliċiment ħarsa, ħafna drabi konna nispiċċaw nduru bajja nfittxu għal aktar flixken.
Xi wieħed minna kien ukoll jiddobba xi kaxxa vojta sabiex ikollna fejn nerfawhom. Xi ieħor jispiċċa jinżel il-baħar jgħodos ifittex dawk il-flixkien li xi wħud kienu jarmu fil-baħar. Għalina kienu manna mis-sema...jew mil-baħar f'dan il-kas.
Imma l-aktar waħda vili kienet li konna nitkaxkru għal taħt xi gabbana u nieħdulu fliexken vojta li kien ikollu, u vilment konna nispiċċaw immorru nsarfu l-fliexken vojta għandu. Mur għidlu li nofshom kienu jkunu tiegħu stess!
U wara ftit siegħat nduru u niġbru (u nisirqu) konna nsarfu dawn il-fliexken vojta u nispiċċaw b'xi nofs lira f'idejna. Flus kbar....flus biżżejjed sabiex nixtru dak il-ġelat! Ġaladarba il-ġelat konna ser nixtruħ aħna, ma koniex nixtruħ fit-tazza...ħalli nkunu bħal kbar.
Dak il-ġelat, avolja bil-qilla tax-xemx kien diġa jibda' jqattar minn kull naħa, u lsienna jipprova jlaħħaq sabiex ma nitilfu xejn minnu, kien tassew għalina l-aqwa ġelat.
U hemm f'inżul ix-xemx, konna nintefgħu erba' t'iħbieb fuq xi ċint ingawdu dak li ħdimna għalih!
Comments
Post a Comment