L-aktar logħba mistennija!

 


Niftakar meta kull darba li kien ikun hemm xi logħba taħraq jew xi finali fuq it-televixin, id-deni tagħha konna diġa nibdew nħossuh fit-triq.  L-istess deni li kienu jħossu l-plejers kien jiġri fostna li konna żgħar u li logħba konna ninterpretawha kif inħossu aħna.

Kull fejn konna mmorru kulħadd isemmi l-logħba u kulħadd kien jibda' jsemmi u jbassar l-iskor finali.  Fuq kollox kien ikollok min ifaħħar it-tim tiegħu, anke jekk forsi qajla kien jaf eżatt min huma l-plejers.

Qatt ma konna esperti fuq tattika u skemi ta' futbol, pero minn qabel tibda' l-logħba konna diġa nibdew nfasslu min għandu jilgħab u l-formazzjoni ideali għal dik l-isfida taħraq.  Kull wieħed minnha kien iħossu li hu aqwa mil-kowċ innifsu u konna nipretendu li dak li qed ngħidu aħna kien jagħmel sens aktar milli jaħsbu l-vera esperti fil-qasam.

Ma kellna l-ebda mezz kif naraw statistika jew l-formazzjoni li biha ser jilgħabu kull tim.  Konna nisimgħu l-ismijiet biss ftit minuti qabel tibda l-logħba.  Fl-istess ħin konna nintefgħu quddiem televixin bla kulur u skrin żgħir u nipruvaw nidħlu fl-istess atmosfera tal-istadjum.  Il-pika ma kienetx tonqos, imma din kienet tkun limitata għal tad-dar peress li logħba futbol hekk kienet tintlgħab filgħaxija, u dak il-ħin ma kont nitħalla nibqa' barra.

U hekk kif tkun bdiet il-logħba, u f'dak il-mument li għadek tiprova taghraf tim min ieħor (tinsiex li televixin kien bla kulur), is-sett kien jaqbad jitlef l-istampa, kull tant b'xi linja tiela u nieżla, jew inkella jibda' itextex..... u s-santa minn tant ħin issa qabad jitlaq?

Bejn tisbita u bejn xi dawra l-arial ta' malajr konna nerġgħu nsibu l-istampa kemm kemm aħjar milli kienet...u forsi kien jgħaddi biżżejjed ħin li titlef uħud mil-aqwa azzjonijiet, jew anke titlef xi gol...u li qatt ma kien ikollok l-opportunita' li terġa tarah... ħlief fil-bitħa tal-mużew għax wara dik il-finali kulħadd kien iħossu l-eroj ta' dik il-finali, u kulħadd kien jipprova jimita l-leġġendi ta' dak iż-żmien!

Comments