Niftakar meta kienet iddoqq l-aħħar qanpiena tal-aħħar lezzjoni kien jibda' dellirju sħiħ. Kulħadd kien ikun ilu jistenna sew dak il-mument. Fl-aħħar daqsekk studju u daqsekk eżamijiet! Quddiemna konna naraw biss vaganzi, baħar u divertiment għal ħin twil.
Qabel Settembru ma konniex ser nerġgħu nidħlu f'dawk il-kmamar. Il-basket li fil-bidu tas-sena kien ikun b'riħa tfuħ, issa kien anke tilef il-forma tiegħu, u probabilment b'xi riħa tintenn ġo fih ta' meta kont insejt it-tazza tal-ħalib maħmuġa ġo fih. Il-pitazzi kienu issa nofshom mikulin, u l-karti li fadal kont tużahom biss għal xi ajruplan jew tpinġija. Fil-ġranet ta' qabel kont tibda' tieħu l-kotba lura għand il-librar, u li minn naħa tiegħu jara li tajtu lura kollox u f'kundizzjoni tajba. Mhux l-ewwel darba li kont issib xi ħadd ifittex elf skuża għaliex kellu ktieb nieqes, jew inkella kif spiċċa folja folja.
Kien ikun iż-żmien li l-għalliema jibdew iżarmaw il-klassi minn kull chart u stampa mwaħħla. Ħafna minnhom ma kienux ikunu ċerti jekk fiż-żmien tas-Sajf hux ser jiġu kkonfermati fil-post, allura kull ħaġa kienet tiġi mneħħija daqs li kieku dak kien it-tmiem ta' kollox. Bosta studenti kienu jieħdu l-proġetti u c-chart li kienu għamlu matul dik is-sena. Xi arloġġ tax-xemx, xi mudell ta' vulkan...u oħrajn. Xi wħud ma kienx jinteressahom fihom, u minn hemm kienu jispiċċaw fil-landa tal-purtinar, li issa kien xogholu li f'dawk il-klassijiet kien itella' s-siġġijiet fuq l-imwejjed, jaħsel ħasla l-art u jsakkar sa meta jerġgħu jiftħu din id-darba b'studenti ġodda.
Il-kbar, jew dawk li kienu fl-aħħar sena, kont tarahom jużaw il-flokk minflok album tat-tifkira. Tibda' titlob il-firma ta' kulħadd u ta' kull min xtaqt tibqa' tiftakar fih. Festa sħiħa li issa kbirt u ser daqsekk dħalt hemm ġew. Iż-żgħar kienu jibżgħu għal uniformi għax kemm jista' jkun ridt li kollox iservik għas-snin kollha li kien fadallek.
Minn hemm tieħu r-ruħ...u għalkemm tad-dar kienu jgħidulna sabiex is-Sajf nużawh sew, u il-ktieb xorta nibqaw nħobbuh...għid li l-ħbieb....il-baħar....ir-rota....u l-ballun kienu jieħdu preċedenza qawwija!
Issa tlaqna ħa ngawdu s-Sajf!
Comments
Post a Comment