Kemm konna nħobbu l-kuluri!

 


Konna tassew inħobbu l-kuluri, u ħafna minnhom lanqas għadna niftakruhom.  Niftakar meta l-kuluri konna nsibu nitfawhom f'kull ħaġa li kien ikollna quddiemna.

Nibda biex niftakar il-kuluri tal-karozzi tal-linja.  Dawn kollha kienu jkunu kulur differenti...ħamra taż-Żejtun, ċelesti tal-Mellieħa, kaħla tar-Rabat...u ħafna oħrajn.  Jgħidu li kienu bil-kulur għax mhux kulħadd kien jaf jaqra n-numri, pero ma nafx hux vera.  

Snin wara anke n-number plates spiċċaw kuluri differenti.  Kellna ħomor tal-linja u tat-taxis, sofor tal-karozzi tal-kiri u l-bqija bojod.  Karozzi tal-kiri konna ukoll żidnilhom faxxa bajda u sewda it-tul kollu tagħhom.  Bħal li kieku dan li ġej turist, u probabbilment ma jafx fejn hu sejjer....allura warrablu!  Dawn il-faxex kienu żdiedu magħhom ukoll il-faxx aħmar dijagonali fuq il-vannijiet tal-ħobż.  Kont nisma' li kien hawn faxxa kaħla għal xi ħaġa oħra ukoll.

Sintendi il-partiti politiċi ma kienu xejn inqas, u magħhom żdiedu ukoll il-każini tal-baned, u aktar ma seta' jkollna minn dak il-kulur tagħna fit-toroq u pjazez, allura aktar stajna nuru kemm aħna superjuri fuq il-każin l-ieħor.  U waqt xi marċ jew xi argument politiku jaħraq, speċjalment qrib xi elezzjoni, l-kuluri kont tarahom f'wiċċ xi ħadd...aħmar jekk jitbaqbaq....aħdar jekk qed joħroġ il-ħdura ta' ġo fih, u fl-aħħar abjad jew isfar, jekk it-telfa' ma jkunx felaħ għaliha!

Anke t-twieqi ta' Kastilja rnexxielna nbiddlu l-kuluri kollha....u darba kienu ħomor, umbad blu...umbad ħodor.  Ħadd ma kellu kwiet ġo fih, u kienet spiċċat farsa sħiħa għax kif jitla' xi ħadd ġdid konna nistennew li ser jerġa jinbidel il-kulur tagħhom.

U l-kuluri konna nitfuhom f'xi funeral.  Alla ħares kont tmur b'xi ħaġa mhux sewda (jew tal-inqas bajda) għax b'rasek kien idur, u jgħodduk ta' miġnun.  U dak l-iswed tal-vistu kien jibqa' jkarkar s-snin speċjalment fost dawk romol, tant li kien hemm żmien li għid sa mewthom ma kienux jerġgħu jilbsu kulur ieħor għajru!

Ħasra li aħna tassew pajjiż ċkejken... min jaf kieku konna pajjiż ikbar kif konna ndawwlu u nixgħelu pjaneta b'dawn il-kuluri kollha!

Comments