Il-figura tal-Missier (bħal dik tal-Omm) tibqa' waħda importanti f'kull forma ta' familja. Għal kulħadd huwa persuna mportanti, tant li f'jum bħal tal-llum niftakru forsi xi ftit aktar mis-soltu.
Niftakar meta l-missier kien meqjus bħala awtorita' fid-dar, u qisu li jgħid hu biss kien jgħodd. Kien ukoll meqjus dak biss li jġib il-ħobża ta' kuljum lejn id-dar. Anke meta konna naqraw xi storja fid-Denfil...Kemm qrajna meta Missier Toni u Rita kien jasal lura mix-xogħol u kulħadd jdur miegħu, daqs li kieku kien hu ċ-ċentru ta' kollox.
Min jaf kemm bħal llum kien ikollna homework, xi komponiment... Jum il-Missier....jew inkella il-ġurnata li qattajt tgħin lil missierek....u dejjem nagħmlu l-istess latanija ta' komponimenti...il-ħasil tal-karozza...il-ġiri bir-rota jew xi logħba ballun.
Meta konna iżgħar kienu jqabduna nagħmlu kartolina. Kartolina mċallsa kollha żebgħa li qajla kont tifhem x'kienet, pero il-missier kien jifimha. Dak il-kliem kbir ħalli tassew nuru li nħobbuh.
Illum, u kif xieraq, inbidel kollox u kollox ġie ibbillanċjat.... u l-omm saret tant ieħor importanti.
Niftakar meta kont żgħir, missieri kien ifisser ħafna affarijiet. Dak li qed jgħini nikber u dak li qed jgħallimni...litteralment ġaladarba kien ukoll għalliem. Ma għandux arti kbira ġo fih, pero dejjem b'xi mod kreattiv għini fit-tpinġijiet, fic-charts u fil-proġetti tal-iskola. U meta ma kienx ikollna x'nagħmlu dejjem pruvajna nagħmlu xi ħaġa artistika...xi maskla...xi statwa bit-tafal jew xi tajra għal meta tkun ġurnata tajba għaliha!
Meta kien hemm bżonn, kien il-karattru żorr u ta' tbesbisa ukoll fejn kien ħaqqni. Ma kienx il-karattru militari kif kien in-Nannu. Ħdejh kien aktar liberali, imma ukoll kellu tiegħu, u sa ċerta punt għadu ftit rasu iebsa. Illum forsi ser jieħu għalih jaqra dan il-kliem fuqu, imma qed ngħidu b'rispett u mħabba kbira. Fuq kollox, naħseb kull missier hu...jew kien hekk xi darba.
Fl-istess ħin missier jibqa' uniku...fil-qalb tagħna, speċjalment għal dawk li missierhom, għal raġuni jew oħra m'għadhomx jarawh fiżikament quddiemhom.
Għal dawk kollha....il-kliem "Niftakar meta"....jiswa' ħafna aktar...
Comments
Post a Comment