Il-futbol minn
dejjem kien iġennen warajh ħafna mis-subien, u kull fejn konna mmorru għid li
ser issib lil xi ħadd jitkellem fuqu.
Niftakar meta kien joqrob xi tournament prestiġjuż, kien joħroġ l-album u
l-istickers tal-plejers, u dan kien ikompli jżid mal-ġenn tagħna t-tfal.
Hekk kif joħroġ
konna naraw kif nagħmlu sabiex niftħu l-karus u dak kollu li ġemmajna nonfquh
kaxxa stickers. L-album ħafna drabi konna
nakwistawh b’xejn. Tixtri kaxxa kellek
garanzija li ser tgħaqqad l-album, u għal dak iż-żmien ftit kienu dawk li kellhom
din ix-xorti li jixtru kaxxa sħiħa.
Dawn l-imniefaħ
ta’ stickers għid li kienu jkunu f’idejn kulħadd, anke f’idejn dawk li qajla
kont tismahom jitkellmu fuq futbol matul il-bqija tas-sena. Il-ġenn kien kbir biżżejjed li l-fama
fil-klassi kienet kemm kien ikollok duplikati u mazz kbir sabiex tkun tista’
tpartat ma’ dak u ma’ l-ieħor. Kulħadd
kien iġorr fuqu karta ta’ pitazz bin-numri kollha li jkun jonqos forsi
jirnexxielek tgħaqqad l-album. Min
iħażżeż l’ hawn u min l’hemm u din il-lista tipprova tiġbor kemm tista’ minnha.
U f’dawn il-ġranet
kont tara min fostna la jikber kien ser jispiċċa xi negozjant mustaċċun. Bosta kienu dawk li kienu jpartu sticker għal
oħra, però kien hemm dejjem dawk li jkunu mfittxija aktar minn oħrajn. Hemm kien jibda’ l-ħażen u xi kultant sticker
tmur għand min joffri l-aktar għaliha.
Min ifittiex l-arma tal-Ingliżi u min lil Maradona, u oħrajn lil Van
Basten.
Dan it-tpartit
kien tant jitla’ għal rasna li mhux l-ewwel darba li kien jispiċċa jibqa’
għaddej ukoll waqt xi lezzjoni, u hekk kif jinduna’ l-għalliem għid li l-mazz
ser jispiċċalek kollu fil-kexxun tiegħu....x’disgrazzja dik!
U dan il-ġenn kont
issibu ukoll qabel il-lezzjoni tal-mużew, qabel il-privat u fuq il-private u
t-triq lura lejn id-dar. Pero ħafna
drabi kien jieqaf malli tasal fuq l-għatba tad-dar, għax mhux l-ewwel darba li
kont niġi mwissi sabiex ma nixtrix lanqas pakkett wieħed, għax ħela ta’ flus.
Sadatant, diġà konna
nkunu qegħdin niftehmu ġgajta tfal sabiex is-Sibt filgħodu nerħulha għal Belt,
u immorru fi Triq il-Merkanti fil-kantuniera, ma ħafna oħrajn ta’ kull eta’ u
nkomplu mpartu dawn l-istickers forsi xi darba dan l-album ngħaqduh...imqar
bil-moħbi!
Comments
Post a Comment