Tazza ħalib friska!

 


Niftakar meta l-ħalib kien ferm popolari mat-tfal, partikularment fl-iskola.  Fil-klassi konna nkunu nistennew b'ċerta ħeġġa meta kien jasal il-ħin li fil-bieb jitfaċċa l-purtinar bil-kaxxi tal-ħalib.  Kull jum kien ikun differenti, tant li konna nagħmlu l-imħatri (bla flus) bejnietna fuq min ser jaqta' ta' liema tgħoma kien imiss dakinhar.

Il-ħoss tal-fliexken konna nisimgħuh mil-bogħod, u mhux l-ewwel darba li jaħrablu xi wieħed minnhom u jispiċċa mxerred mal-kuridur kollu.  Imma l-importanti kien li jasal fil-klassi, u malli jasal kellek min jifraħ li llum kien l-aktar favorit, u min iqqarras wiċċu li l-aktar wieħed li ma jniżżilx.

L-għalliema, forsi ukoll ħalli tifranka l-kedda hi stess, kienet tgħidilna li ser tagħżel l-aktar wieħed kwiet sabiex jiftaħ it-tappijiet tal-landa.  Kien kważi privileġġ li kont tintgħażel tagħmel din il-biċċa xogħol tant importanti.  Frawli...ċikkulata...banana... dawn kienu l-aktar togħmiet popolari li konna nsibu!

U meta jasal il-ħin li nieħdu tazza ħalib friska, ħafna drabi wara l-brejk tal-għaxra, konna nintefgħu kju wieħed wara xulxin bit-tazza tal-plastik nistennew is-sehem tagħna.  Sakemm konna ndumu fil-kju, min taqalu t-tazza u jiġri għarkuptejh warajha, min jilgħab biha u jdaħħal idejh ġo fiha ħalli jneħħi l-kallu, u min jinduna li mil-aħħar darba li uża dik it-tazza ma ħasiliex, u issa kellha riħa taqsam ta' moffa u ta' katavri!

Anke' hemm nerġgħu nibdew bil-qrid, u dak għax irid il-krema ta' fuq, u min ma jridux u l-għalliema kont tinduna li qeda fit-tarf tan-nervi u li dak il-logħob bil-fliexken ma kienetx tħobbu... "dak hemm!" kienet ta' spiss tgħid... "min ma jridtx...joqgħod!".

Jien kont nieħu t-tazza tiegħi u nintefgħa fuq il-mejda tiegħi ngawdi dik it-tazza ħalib friska, flimkien mal-ħobża li kienet tlestili ommi ta' kull filgħodu.

Tgħid għada x'togħma ser jkun imissna?



Comments