Niftakar meta kont fil-ħames sena tal-Primarja kellna għalliema qisha seqer. Ma kien jaħrabilha xejn u fil-klassi bil-kemm stajt tieħu nifs żejjed. Dixxiplina stretta li kienet issapportjata minn riga ħoxna li kienet tiddetta l-liġi tal-klassi. Kemm biex inqumu u kemm biex nitkellmu, din ir-riga kont tismaha tfaqqa fuq il-wiċċ tal-mejda, u jekk kien qed ifettillek tagħlaq għajnejk, malajr kont tiġi lura f'postok.
Matul l-istess sena konna għaddejjin minn numru qawwi ta' testijiet, bi preparazzjoni li s-sena ta' wara kien ikollna l-eżami tal-Junior Lyceum, kif kienu jsejjħulu. Latanija ta' tgħallim bl-amment u serje twila ta' domandi ħalli xi ħaġa jidħol f'moħħna. It-tisbita ta' dik ir-riga, kien iżomm it-temp tagħna aħna u ngħidu xi ħaġa bl-amment quddiem il-blackboard. Tisbita fuq il-mejda li kont tistħajjlek wieħed mil-iskjavi fix-xena ta' Ben Hur huma hu jaqdfu dak il-ġifen daqsiex, u li akkost ta' kollox ridt taqdef u ma tieqafx.
Naf li dawk it-testijiet ħadd ma kien jista' għalihom, u speċjalment dawk li konna nsibu ma' wiċċna mingħajr l-ebda avviż. Personalment kont ninqata' minn ġewwa, specjalment dawk it-testijiet li jaħbtu t-Tnejn filgħodu għar-rieq!
Darba minnhom niftakar ċar li kif dħalna fil-klassi qaltilna li għandna test tal-matematika, suġġett li sallum il-ġurnata ftit aħna ħbieb. Kienet qaltilna biċ-ċar, li l-aħħar domanda fiha x'togħmod (kliem tagħha testwalment!) u li dawk biss li vera studjaw setgħu jaslu għar-risposta. L-għaraq ta' kulħadd kien beda ħiereġ, ħlief ta' dawk li dawn t-testijiet kienu għalihom xi ħaġa ta' pjaċir, u kienu okkażjoni sabiex jiddandnu fuq sħabhom kemm huma tajbin!
Mat-tisbita tal-famuża riga, t-test beda. Fil-klassi skiet li kont taqtgħu b'sikkina u ħlief tħarbix fuq il-karta, u forsi xi ħadd jixxarpna l-lapes ma kontx tisma'. Min mitluf iħarbat xagħru, bl-isperanza li forsi joħorġu r-risposti, u min għaddej kemm Alla ħalqu konvint li sejjer tajjeb. Fi ftit tal-ħin, kulħadd wasal għal famuża l-aħħar domanda. It-tensjoni żdiedet, u fuq wiċċ l-għalliema kont tara wiċċ ta' sodisfazzjon li tista' tgħid sammritna kollha mas-siġġu. Ħadd ma sab irkaptu tagħha.... minn kollox pruvajna...xejn! Ħlief wieħed minna, li kien jidher sodisfatt li rnexxielu.
Għal mument qasir l-għalliema ntefgħet fuq is-siġġu tagħha tqalleb fost il-ħafna karti li kien ikollha quddiema. Minn dak il-ħin b'xi mod beda joħroġ il-mod ta' kif kellna nsolvu l-aħħar problema. Ma' nafx hux b'qerq jew tgħeddida, imma l-unika proxxmu li wasal għal konklużjoni tagħha, kiteb karta żgħira li f''kemm ili ngħidlek bdiet għaddejja min id għal oħra, u kif tifimha, kont tgħaddiha lil dak li jmiss. Filli kwiet, u filli Alla jbierek kulħadd 'ispira ruħu' kif kellu jsolvi l-problema. Kulħadd.... mhux propja kulħadd.
Kif din il-karta għaddiet f'idejn il-klassi kollha, u eżatt kif ser naqbad il-karta jien.... l-għalliema qamet minn postha u sabitni niġġebbed sabiex nilħaq din in-nofs karta. Fil-pront ġiet ġirja fuqi u titlob spjegazzjoni għaliex qed nipprova nikkopja, u min kien jaf b'din il-praspura. Ovjament ħadd ma fetaħ ħalqu... u ta' beżżul li kont, qlajt waħda fuq sormi bir-riga, u oħra fuq idi ħalli nibqa' niftakarha. Ma' dawk id-daqtejn, żdiedu li nikkopja d-Denfil kollu għal darbtejn, inkluż waqt il-brejk ta' nofsinhar...
Ara vera beżżul ta... ma kienetx nota!
Nota: L-għalliema ma semmejtiex għax naf li għadha ħajja... u ninsab ċert li ma kelliex f'moħħha li tagħmel ħsara, pero' żgur fatt li għal dak iż-żmien, dan kien metodu ta' edukazzjoni aċċettat mis-soċjeta'.
Comments
Post a Comment