L-eżami tal-Junior Lyceum - l-ewwel parti

 


Niftakar meta kien joqrob dan iż-żmien, kienet tibda' tgerger żaqqi għax ikunu qorbu sew l-eżamijiet.  U tassew, issa kienet waslet il-prova li fil-klassi qadt attent, u mhux kien biss ħsiebi fil-futbol u elf ħaġa oħra, u mhux fil-lezzjoni.

Mas-sitt sena tal-Primarja, il-biża kien jiżdied, għax issa kien ikun imiss l-eżami tal-Junior Lyceum.  Kien hemm dik it-tip ta' tikketta li jekk ma tgħaddiex ser tispiċċa tmur mal-injoranti, jew inkella jekk ma' tistudjax tispiċċa tmur ma' taż-żibel.  Konna nisimgħu dawn l-affarijiet anke fil-klassi, u kont tispiċċa tħares lejn dawn in-nies bħala xi ħaġa inqas, avolja jaf kienu kapaċi aktar minn kulħadd.

Imsomma, darba qorob l-eżami, apparti l-istudju ridt tkun preparat anke' materjalment u spiritwalment.  Ir-rit kien jibda' fil-ġurnata ta' qabel l-eżami.  Il-pocket kien jimtela' pinen u lapsijiet ġodda u kollha bil-ponta, daqs li kieku dik kienet l-ewwel ġurnata tal-iskola, jew inkella l-ewwel eżami ta' ħajtek.  Jekk l-eżami tal-matematika, tara li għandek kumpass u protractor u xi skwerra jew tnejn għal li jista' jkun.  Rigi kemma Alla ħaħaq, u l-istess ammont ta' gomom.  Ma' dawn kienet tiżdied il-latanija ta' kulħadd jistaqsik jekk għandekx kollox lest.  Kienet tinbeda lista twila ta' affarijiet sabiex jaraw li kollox kien tassew lest u ma jmurx ħarablek xi ħaġa....u xi ħaġa ridt tinsa'!

Hawn ukoll kienet tidħol in-Nanna, li mhux l-ewwel darba kienet tgħaddili xi santa jew tnejn ħalli dawn il-qaddisin jilluminawni waqt l-eżami, u fuq kollox ifakkruni dak kollu li kont inkun studjajt.  U malli niġborhom minn id in-Nanna, kont tintebaħ li qed ittik santi li min jaf kemm raw talb fuqhom, u fl-istess ħin kont tismagħha tibda' xi posta Rużarju għal istess bżonnijiet.

L-aħħar rit tal-ġurnata kien ikun li tidħol tinħasel bil-lest għal għada, u fuq kollox ridt tidħol torqod kmieni ħalli tkun kmieni u frisk.  Qabel torqod kont tqalleb għal darboħra ftit karti żgħar ħalli forsi dawk il-formoli jidħlu f'moħħok u wara tiprova torqod u ma taħsibx... ħlief li għal dak il-Ħadd ma kontx ser nara Domenica Sportiva!

Filgħodu mas-sebħ, kien jibda' kapitlu ieħor.... imma dak nirrakuntah darboħra!



Comments

  1. Illum jidħlu għall-eżami u jistaqsuk.....Sir għandek xi biro u....wara kemm nistgħu nitilqu l'hemm.

    Jew illum l-eżami ta" xiex?

    Kemm jinbidlu l-affarijiet hux!

    ReplyDelete

Post a Comment