Ħallejt din l-istorja fis-sebħ tal-ġurnata dakinhar tal-eżami. Ma niftakarx xi ħlomt dak il-lejl, imma għandi amment li ħafna drabi probabilment kien ikun mimli taħwid ta' formuli u numri. Niftakar meta kont inqum żgur kont inkun mħawwad, u hemm tassew kien jibda' ġej it-tgħafis tal-istonku kif tiġi tassew viċin ta' dik ir-realta' tal-eżami. U fuq kollox dan l-eżami kif diġa semmejt, kien jitefa' piż kbir fuqu.
Apparti l-eżami nnifsu kien naħseb ukoll l-ewwel eżami li kont tagħmel barra mil-binja tal-iskola tas-soltu tiegħek. Tħossu bini kiesaħ u li ma jkollok l-ebda rabta miegħu. Madwarek kont tibda' tara tfal li qatt ma kont iltqajt magħhom. Tħossok ħuta barra mil-ilma...u fl-istess ħin tħoss qalbek tħabbat ma tmur qiegħed fil-post il-ħażin.
Mad-daqq tal-qanpiena, kulħadd kien jibda' triqtu lejn l-klassi tal-kundanna... bewsa malajr lil ommi, u titlaq għal triqtek. Kuridur ma jispiċċa qatt, u fl-aħħar tispiċċa ġo xi sala b'ma nafx kemm il-tifel u tifla lesti kollha għal istess ħaġa. U ma elf ħoss ta' siġġijiet u mwejjed jiċaqalqu, kont tibda' l-ispezzjoni ta' dak kollu li għandek quddiemek.
Mal-wiċċ tal-mejda kont tilmaħ il-fdaljiet ta' min użaha qablek...tħażżiż, grif, xi nofs formula u xi swastika migrufa fil-fond b'xi kumpass. Taħt il-mejda lanqas kont tissogra tħares, għax probabilment kont tispiċċa ttella' l-istonku. Minn hemm kont tara li l-mejda soda, u mhux tagħmel eżami qisek fuq vapur f'nofs tempesta, fil-kas ridt taqbad karta ta' pitazz u titwija għal taħt is-sieq ħalli tieħu postha.
L-aħħar ħames minuti qabel tibda' kont tara ħemel lapsijiet u gomom ħerġin fuq dik in-naqra ta' mejda. Min b'xi flixkun ilma taħt il-mejda, min xi santa u min quddiemu r-ritratt tal-passaport tal-għarus jew għarusa daqs li kieku kienu l-qaddisin protetturi tal-eżamijiet. Fl-istess ħin kont issib min qed jara fejn ser jaħbi xi karta żgħira għal bżonnijiet oħra. Radda ta' salib u titlob li dak li ser issib quddiemek huwa dak kollu li tgħallimt.
Mat-tokki tal-ħin, kulħadd kien idawwar l-karta wiċċha 'l fuq u jibda' jifli dak li hemm quddiemu...u hemm kien jibda' jxoqq l-għaraq għalik. Tibda' tara l-istilel daqs u għal ftit ħin moħħok kien jitbattal għal kollox u għal ftit ħin, tadama kienet tiġi inteliġenti ħafna aktar minnek. Bil-mod kont tikkalma u tibda' tirraġuna dak li kollok u bejn min sejjer ipixxi, min iħabbel xagħru u jilgħab bit-troffa, min diġa ħiereġ 'il barra u bejn tqaħqiħa tas-supervision tas-sala, kont tisma l-kliem... "30 minutes left!"...u jibda' l-panik tal-aħħar.
Mal-ħin u f'kemm ili ngħidlek iddur dawra b'għajnejk tara li għamilt kollox, u f'sekonda l-karta kienet tinġabar minn idejk...daqsekk...lest...li hemm, hemm!
U bil-mod kont toħroġ minn dik is-sala u tarahom jistennewk daqs li kieku emigrant qed jasal lura mil-Awstralja u l-ewwel kliem dejjem kien ikun... "Kif mort?" Int minn taħt l-ilsien kont tgħid li ħassejtek mort tajjeb hux u li fuq kollox issa naraw... l-aħjar risposta bil-lest f'każ li tmur ħażin...
Sadanitant, kont tibda' tisma' oħrajn jistaqsu bejniethom kemm ġie l-answer ta' xi waħda partikulari... u jifirħu li kollha qablu li ġiethom 7.5....
... u jien f'qalbi nitħasseb kif tiegħi setgħet ġiet mod ieħor!
Comments
Post a Comment