Niftakar sew li żaqqi kienet taqali għal kull tip ta' ħelu. Ħafna minn dan il-ħelu għadni niftakru sal-llum, pero ftit forsi għadek issib bħalu. Xi uħud minnhom forsi illum lanqas toħlom li tbiegħu jew li ssibhom għand tal-ħanut...
Tiftakruhom konna nixtru xi arloġġ jew ġiżirana tal-ħelu? Konna nintefgħu fuq il-bankina u min iqqarmeċ l-arloġġ minn mal-polz, u l-bniet il-ġiżirana minn ma għonqhom, u fl-aħħar tispiċċa b'biċċa lasktu rqiqa. Jew inkella konna nsibu nixtru sigaretti tal-ħelu ġo kaxxi żgħar u ħafna drabi konna nsibu xi stampa ġo fihom ukoll. Umbgħad erħilna nduru u nżommu 'sigarett' f'idejna taparsi qed inpejpu!
Umbgħad konna nsibu ukoll stoċċijiet bit-trab tal-ġinġer, u bi stikka tal-likurizja suppost bl-iskop li ttella' dan it-trab biha. Kien jispiċċa jgħaqqad kollox u nispiċċaw nilgħaqu subajna minn dak il-ħelu kollu!
Ġieli konna nsibu strixxa ta' nofs metru kollha chewing gum boċċi, u erħilna kulħadd jogħmod qisna mogħoż waħda f'waħda. Magħhom konna nsibu kull tip ta' lolipop, minn tal-ħġieġ mgeżwrin fil-plastik għal oħrajn li jsiru trab kif ittihom gidma.
Konna nsibu ukoll chewing gum forma ta' trab, u kif kont titfaw fuq ilsienek kien jibda' jfexfex u jfaqqa... u l-istess kulħadd jiftaħ ħalqu f'wiċċ xuxlin għal min kapaċi jżomm ħalqu magħluq b'dak it-tfexix kollu!
Kemm konna nieklu ċuċati u ħmerijiet, imma kollox konna naħarqu ftit wara b'xi logħba ħarba jew ġirja mal-pjazza kollha!
Umbgħad kont niskanta li l-ikel tad-dar ma kontx nieklu kollu.... wisq ħelu naħseb!
Comments
Post a Comment