Niftakar meta kont żgħir l-futbol mhux biss kont insegwih, imma tista' tgħid kont nqum u norqod naħseb fuqu ukoll. Biżżejjed ngħid li kien ikun inkwiet kbir għalijja u jibda' brim qawwi kull meta kien jitlef it-tim li nżomm miegħu.
Kont nintilef kull nhar ta' Ħadd nisma' l-logħob fuq radju ċkejken u nikteb fuq xi pitazz ir-rizultati, min skurja u dettalji oħra nteressanti ta' waqt il-logħba. Il-plejers kont nafhom bl-amment, kemm għandhom żmien, meta twieldu u n-numru ta' wara darhom. Imsomma ma kien jonqos xejn sabiex dawk l-plejers narahom bħala idoli u jkunu saru parti minnek tassew. U dan naf ċert li ma kontx inħossu waħdi.
Nhar ta' Sibt wara nofsinhar konna niltaqgħu ġo fetħa żgħira viċin id-dar li għalina kienet tkun l-aqwa grawnd tal-futbol. Hemm kienet l-arena tagħna fejn stajna nuru t-talenti tagħna, anke jekk forsi ħadd minna ma kien professjonali jew imur għal taħriġ. Pero' f'dawk is-Sibtijiet kulħadd kien iħossu l-plejer favori... min Van Basten, min Maradona u min Platini jew Laudrup. Kollha idoli differenti ta' żminijiet differenti li xorta baqgħu ġo moħħna bħala l-aqwa għal tfulitna.
U hemm f'dik in-naqra pjazzetta konna nitfaċċaw bl-aqwa affarijiet u ħwejjeġ fuqna daqs li kieku konna tassew dawk il-benjamini tagħna. Fuq wiċċek kont titfa' ħarsa serja daqs li kieku dik il-logħba qed tfisser it-tmiem tal-kampjonat jew il-finali tat-tazza taċ-ċampjins.
Kulħadd kien jiġi b'xi ħaġa ġdida, imma fuq kollox kollha kienu jkunu affarijiet li jew jitħietu minn ommijietna jew oħrajn li nagħmlu aħna. Min flokk sempliċi u numru 10 wara darhu...min bil-badge tal-Milan u skudetto fuq sidru...xi erbgħa minnha bil-faxxa ma' jdejna tal-captain, avolja kull tim suppost ikollu wieħed...imsomma min jiflaħ jivvinta ħallih ħa jiddandan!
Darba minnhom wieħed minnha ġie b'żarbun ta' vera. Soldini bit-tappini li għal dak iż-żmien kien l-aqwa għal futbol. Tappini iebsin u dik il-ħaġa li tħossok żewġt ċentimetri itwal minn sieħbek kienet tfisser ħafna. Kulħadd kien baqa' iċċassat lejn dak il-par żarbun għadu bir-riħa ta' gomma ġdid fjamant. Sidu kull darba kien jara kif jimbuttak ma tmurx tigrifulu jew tolqotulu.
Imsomma wara logħba tajba fejn dan it-tifel skurja anke trippleta (għalih grazzi għal dan iż-żarbun!) spiċċajna bħas-soltu bilqiegħda mal-art nieħdu boqqa luminata. F'ħin minnhom, flixkun milli kellna waqa' dritt fuq sieq dan it-tifel u f'kemm ili ngħidlek iż-żarbun imtela' kollu rawha u tidlik.
Kien hemm min qal li apposta....oħra inċident...oħrajn tħassruh hu u jiġri b'bikja twila hekk kif dak iż-żarbun tat-tappini tilef il-maġija kollha li kien ġab miegħu...
Aħjar nerġgħu nintefgħu nisimgħu r-radju...forsi ma' tafx kif din id-darba nirbħu!
Comments
Post a Comment