Niftakar meta t-telefon fid-dar kien lussu, u ma' kienx xi ħaġa li stajt takwistah kif ġieb u laħaq. Il-fatt li kellek sett tat-telefon id-dar kien kważi privileġġ. Imma dak kien żmien ieħor. U forsi għal dan il-fatt li sett tat-telefon kien importanti li jkun fl-iktar post prominenti tad-dar. Ħafna drabi kien jispiċċa fuq xi tavolina pulit pulit, u b'xi biċċa rakkmu sabiħa taħtu. Kien importanti li waqt li tkun għaddej bit-tindif, is-sett tat-telefon ittih lostratura ukoll, ħalli jibqa' jleqq.
Pero' is-sett tat-telefon kien ħafna aktar minn hekk. Ma kienx jintuża spiss daqs illum, pero il-ftit li kien jintuża kienu mumenti li tibqa' tiftakarhom. Min kien jużah biex jinnamra għal ħinijiet twal u l-missier jgħajjat li ser jitla' xi kont kontun, u min jużah sabiex jaqbad parlata, u jinstema' minn barra li għandu telefonata! Għand in-Nanna post it-telefon kien taħt ir-Rediffusion, u ma tantx tnista' ngħid li kienet tużah b'kapriċċ.
Niftakar sew meta fuq it-televixin kien jagħmel xi reklam tat-Telemalta li għal żmien tal-festi kien ikun ser joffri telefonati bl-irħis lejn ċerta pajjiżi barranin, partikularment dawk li kien ikun hemm l-emigranti Maltin...l-Ingilterra, l-Amerika, l-Awstralja...u il-Kanada!
Hemm għajnejn in-Nanna kienu jkunu diġa bdew jimtlew bid-dmugħ taf li kien ser jkollha ċans tkellem liz-Zija għal ftit ħin itwal mis-soltu. L-offerta, li xorta r-rati tagħha kienu jkunu ta' xi 20 ċenteżmu -il minuta, kienet tkun manna mis-sema!
Niftakarha sew li meta tasal il-ġurnata kienet tlesti żveljarin ċkejken ħdejha, ħalli dik it-telefonata ddum biss madwar għaxar minuti u b'hekk setgħet tikkontrolla n-nefqa' għax inkella bil-kliem kienet tibqa'ġ sejra, u storja tispiċċa rumanz.
Minn hemm kienet tikkalkula l-ħin fil-Kanada, u bil-mod tikkomponi n-numru mdaqqas minn fuq kartuna li kienet iżomm ma' genb is-sett bin-numri kollha ta' kull min taf. Wara ħin twil tistenna l-ħoss li qed taqbad ma' art tant distanti, fl-aħħar kienet tisma' leħen iz-Zija, u dawk kollha li kienu jinzertaw madwarha kienu jersqu aktar viċin bl-isperanza li jisimgħu ftit leħinha ukoll.
Imbgħad kienet tibda' tirrakonta, u x'sar minn dak u mil-ieħor u fuq kollox kif sejra iz-Zija in-naħa l-oħra tad-dinja. Fi ftit kliem l-iżveljarin kien jibda' jdoqq u n-Nanna kienet tintebaħ li sar il-ħin li taqta'....jibda' l-bews mid-distanza u tislijiet mingħand kulħadd. Umbgħad bil-mod il-mod kienet tibda' tniżżel ir-receiver daqs li kieku tixtieq tibqa' fuq il-linja għal dejjem.
Kif taqta' kont tintebaħ li kienet tibda' tibki, u jien ta' żgħir li kont qatt ma stajt nifhem kif jista' jkun telefonata tbikkik. Kien żmien ieħor, li anke' naqra telefonata kienet tfisser ħafna, u kien mument speċjali.
Mur ġib l-istess Nanna llum tara l-iSkype jew Messanger, u z-Zija tal-Kanada, mhux biss tismaħha għal għaxar minuti, imma taraha ukoll....u ddum kemm trid... u l-ebda' żveljarin ma' jwaqqaf dak il-mument sabiħ ta' bejniethom!
Comments
Post a Comment