Dak iż-żmien ma kienx hawn pandemiji, pero l-irjiħat, deni u mard ieħor kien hawn. Konna nidħlu filgħodu fil-klassi u tibda' ddur l-aħbar li wieħed minn sħabna kien ma jiflaħx. Min jgħidlu miskin, u min jgħid li rah jiġri barra bir-rota... u min jgħir għalih li baqa' jitnikker fis-sodda!
Kien mod tajjeb jekk ridna nifrankaw xi test li fir-realta' ma konniex preparajna għalih, allura l-iskuża li ma tiflaħx kienet karta tajba. Hawn kien joħroġ l-aqwa tat-talent tar-reċtar.
Il-metodu... Filgħodu kont tqum dik in-naqra tard ħalli diġa tħalli lil min jaħseb. Umbgħad naqra tqaħqiħa li iżżid fil-ħoss u l-qawwa tagħha f'kas li ħadd ma jibda' jisimgħek. Jekk dak ukoll ma jservi ta l-ebda allarm, allura kont taqbad tgħattas waħda f'waħda... ħoss sfurzat ħalli zgur twassal l-messaġġ. Kif kien xi ħadd jirrispondi għal dawk is-sintomi, kienet toħroġ awtomatikament id-domanda... "Xi ġralek?"....u hemm joħroġ it-talent li twieġeb bil-ħanqa u minn taħt l-ilsien li qed tħossok ma tiflaħx.
Hemm jibdew serje ta' sitwazzjonijiet sabiex tkompli tikkonvinċi u ssaħħaħ l-argument. Ridt tikkonvinċi aktar mil-aqwa politiku lejlet l-elezzjoni ġenerali. Kien jibda' jiddispjaċik li ser jkollok titlef il-lezzjoni.... id-dulur li mintix ser tkompli tikber fl-għerf.... kemm qed timmisja lil sħabek....u elf sitwazzjoni oħra msomma, ħalli turi li tixtieq tmur imma kontra qalbek naħseb ser tibqa' d-dar.
L-Omm (ta' Omm li hi) kienet tkun pronta tiġi tmisslek moħħok ħa tara għandekx deni. Mossa li konna drajna u konna nkunu lesti għaliha... l-istess moħħ li min jaf kemm konna nitfaw misħun u biċċiet jaħarqu ħalli wiċċna jiġi jaħraq! Sadatant, il-Missier tibqa' tosservah minn taħt l-għajn għax ħafna drabi kien ikun diffiċli li tikkonvinċih u titwemmen minnu!
Hekk kif jgħidulek sabiex tintefa' fuq is-sodda, titfaċċa t-temperatura tal-ħġieġ, li ħafna drabi kienet tintefa jew kiesħa silġ taħt idejk, jew inkella taħt ilsienek. Kif jillargaw ftit minn ħdejk, kont tibda tonfoħ fuq dik l-imbierka temperatura forsi tgħolli dak il-ftit merkurju ta' ġo fiha...u ħafna drabi kienet tirnexxi, u jirnexxielek tibqa' d-dar...u tifranka t-test tal-klassi!
Min hemm il-quddiem kont tisma' l-attivita' tad-dar li s-soltu ma tarax għax tkun l-iskola. Kull darba li jaddi xi ħadd terġa qisek mejjet gos-sodda u ommok tgħidlek biex ma titlifx ġurnata qis li tagħmel xi ħaġa għal ġid. Playstations ma kllniex dak iż-żmien...allura ħafna drabi kont tintilef fit-televixin!
Filgħaxija konna jew nċemplu lil xi ħadd minn sħabna ħalli jagħtina l-homework minn fuq it-telefon, jew inkella xi wieħed li joqgħod viċin kien iġiblek il-pitazz tiegħu jew xi karta bix-xogħol li trid tagħmel. U f'dik it-telefonata, kont tieħu l-okkażjoni u tistaqsih kif marru fit-test... u tieħu l-aħbar li qatt ma stennejt... ma sarx...postpost għal għada!!!
Tgħid nerġgħu? Imma din id-darba ridt talent ta artist ta' Hollywood sabiex nerġa nikkonvinċi!
Comments
Post a Comment