Tifkiriet nieqsa...

 


Niftakar meta...iva avolja kont għadni zgħir ħafna, imma nista ngħidha faċilment, li niftakar meta n-Nannu Ġuż kien jitfgħani f'ħoġġru u f'kemm ili ngħidlek jibda' jbandalni fuq idejh.  Il-bandla, kif kien iħobb isejħilha kienet toġgħobni wisq, u meta kont narah, għid li ser nersaq lejh ħalli jagħmilili.

Kont żgħir wisq meta ħalliena, kull ma kelli erba' snin u xejn aktar.  Il-memorji tiegħu huma ftit, u l-ftit li niftakru huwa f'din it-tifkira.  Xejn aktar.  Il-bqija niftakar sew indur id-dar tan-Nanna u hemm ċerta rkejjen baqgħu l-istess kif ħallihom hu.  B'hekk stajt nesperjenza l-postijiet li kien jgħix fihom, imma l-bqija xejn... ħlief dik il-bandla, li l-memorja tagħha tfakkarni fih.

Kos hux, illum għandna kull mezz sabiex nieħdu ritratti kontra ritratti.  Nieħdu ritratt għal kull poża, libsa ġdida u anke ta' dak li qed nieklu.  Kulħadd lest li jieħu ritratt ta' kollox.  U aħna?  Il-ġenerazzjoni tagħna ma kellniex dan il-lussu, u ritratt konna nieħduh bir-reqqa u meta jkun hemm xi okkażjoni speċjali.  Ma koniex naffordjaw naħlu ritratti fix-xejn u għal xejn b'xejn.  La stajt u wisq anqas kien ikollna l-mezzi xi kultant.  Fil-fatt meta konna nieħdu ritratt, kulħadd kien joqgħod stirat u ara min jiċċaqlaq għax jekk jiġi ħażin....daqshekk inkunu tlifna kollox.  U konna nindunaw li tlifna kollox ġranet wara li niżviluppaw ir-ritratt, meta l-okkażjoni tkun ilha li għaddiet u dak il-mument sabiħ ikun ilu li ntesa.

Din is-sitwazzjoni ġabet li ċerta tifkiriet huma nieqsa minn ħajjitna, u li tagħhom għandna tifkira fqira x'imkien ġo moħħna.  Aktar ma nikbru aktar nibdew ninsewhom u nitilfu d-dettalji tagħhom.  Imma ċerta affarijiet ħelwin tibqa' tiftakarhom u għalkemm ma tiftakarhomx fid-dettal komplut, xorta jkollok ħjiel ħelu tagħhom.

Dik ir-realta'...illum fost il-ħafna ritratti li nieħdu kontinwament...wieħed wara l-ieħor u għal kull nifs li nieħdu, sirna nimlew dinja bihom.  Illum bil-kontra għandna ż-żejjed ritratti.  U fost dawk il-mijiet (jekk mhux eluf) ta' ritratti li jittieħdu kuljum, jaf xorta qed nitilfu l-aqwa memorji ta' ħajjitna, u li xi darba għad nerġgħu mmorru nfittxuhom fihom ħalli niftakru xi tifkira jew oħra, u xorta ma nsibu xejn!

Allura, f'dan il-ġenn kollu, u wara aktar minn mitt sena minn twelidu, n-Nannu Ġuż nibqa' niftakru b'ritratt wieħed... biżżejjed sabiex nerġa' niftakar f'dik il-bandla u nerġa' nħoss ir-riħ fin-nokkli u nidħaq jien u nħoss qalbi ħierġa ma' kull tbandila minn tiegħu.

Ritratt wieħed huwa biżżejjed!

Comments