Nara dan tal-aħħar...

 


Niftakar sew li dik dejjem kienet tkun ir-risposta tiegħi meta tad-dar kienu jgħiduli kemm ser ndum quddiem it-televixin minflok nagħmel ftit ta' studju kif suppost.

It-televixin dak iż-żmien kien qisu jagħmel apposta.  Jien kien diġa jkolli ħafna aptit ta' studju, u hu aktar jitfa' programm sabiħ wieħed wara l-ieħor.  Ma kont niddejjaq qatt.  Ara biex nistudja...dejjem b'xi skuża...u issa bil-ġuħ...umbad pipi...umbad waqali l-lapes.  Imsomma kull skuża.  Imma għat-televixin, le.  Għal dak dejjem kont inkun attent u ma kont nitlef xejn.

Bħal tfal oħra, l-iskeda tal-programmi konna nafuha bl-amment.  Konna nkunu nafu kollox bil-ħin li jibda', x'hemm qablu u xi jkun hemm warajh.  Il-karattri kollha nafuhom b'isimhom, u dejjem kien hemm il-karattru favorit, u l-ieħor li tarah b'inqas simpatija.  L-istazzjonijiet Taljani kienu jifqgħuh stazzjon b'serje wara l-ieħor Amerikani u li għalina kienu saru idoli kbar.  

U konna nibdew...A Team... Supercar (propja Knight Rider)... Miami Vice.... Chips.... Magnum PI....McGyver...Dukes of Hazzard... dawn kollha mimlijin azzjoni, sparar u daqqiet ta' ponn.  Konna tant nidħlu fil-karattri li l-għada l-iskola jew fil-bitħa tal-mużew konna l-hena tagħna nagħmlu xi erba' mossi daqs li kieku konna huma.

Barra minn dawn, kellna dawk meqjusa bħala Sitcoms, u l-iskop kien li nidku daħka...bħal Eight is Enough...Happy Days....Mork and Mindy... u ħafna oħrajn.  Apparti minn hekk kien hemm dawk li aktar kellhom fama li jqabżulek xi demgħa... Love Boat....Little House on the Prairie...u iktar.  Ftit niftakar minnhom għax ma tantx kienu favoriti.

Li zgur niftakar hu l-għajta sabiex nitfi t-televixin, li kull ma kien jgħaddi l-ħin aktar nispiċċa aktar moħħi fih milli f'dak li suppost qiegħed nagħmel bħala homework jew studju!

U bħal dejjem, ir-risposta tiegħi kienet tkun..."Nara dan tal-aħħar!".... ħożżha fl-ilma li ser nitfi!



Comments