Figolla speċjali...


Niftakar meta kien joqrob l-Għid il-Kbir, kien joqrob ukoll iż-żmien li d-dar isiru l-figolli.  U dan il-mument kien ifisser li l-kċina kienet tinbidel minn waħda domestika għal waħda tista' tgħid industrijali.  

Minn sbieħ Alla, l-mejda tal-kċina kienet titbattal minn kollox u ma kienx ikollok post fejn imqar tagħmel bela' kafe' għar-rieq għal meta għadek tqum.  Il-ħoss tal-Kenwood kien jibda' jfaqqa u jgedwed minn kmieni.  Tilari kontra tilari ta' għaġina u ntrita u elf oġġett ieħor bil-lest għal din il-produzzjoni annwali.  Fuq kollox l-għan finali ta' ommi kien li tagħmel figolla lil kulħadd... kull kuġin u kull kuġina, inkluż in-Nanniet.  Kollha forom differenti u kollha personalizzati sabiex kulħadd ikun kuntent.

Il-forn kien itella' t-temperatura tal-kċina u mhux l-ewwel darba li f'nofs il-proċess kien jispiċċa l-gass, u missieri bl-ispaner f'idu jitqatel mal-iskorfina sabiex ibiddlu kemm jista' jkun malajr ħalli l-proċess jibqa' għaddej.  

Figolli ta' kull forma u għamla... karozzi...kitarra...qlub... papri...ħaruf.... imsomma, semmi u nassigurak li kellna forma tiegħu.  Is-sehem tiegħi f'dan kollu kien, li nnaqqar mit-taħlita eżatt kif tieqaf il-Kenwood... induq t-tiżjin u l-ġelu, kif ukoll il-boċċi ta' kulur il-fidda li kienu jiffurmaw l-għajnejn tal-papri!  Ma' dan kollu, ta' kull sena qabel dan il-jum, kont inlesti forma personali, ħafna drabi kienet tkun imnebbħa aktar mid-daqs milli mil-forma innifisha.  Basta l-figolli tiegħi tkun l-akbar waħda!

Konna nispiċċaw bil-kuridur kollu tilari wieħed fejn l-ieħor sabiex dawn il-figolli jibirdu bi preparazzjoni għat-tiżjin finali tal-ġelu u l-ħelu kollu madwarhom.  Riħa taqsam ta' figolli tal-intrita, u l-għaġina u taħlita li jifdal kienet tispiċċa qishom biskuttelli twal għal waqt ħin it-te... 

Xi trid aktar minn figolla magħmula d-dar... u wara dan kollu, konna nibdew niksu kull figolla fil-karti strazza sabiex inwassluhom sħaħ għand il-kuġini u zijiet... għax kulħadd kien ikun jistenna l-figolla taz-Zija Ġuża!



 

Comments