Dik kienet dejjem l-ikbar dubbju li kien ikollok, meta jkollok grazzja ma xi ħadd li għal mistħija konna dejjem nżommu lura milli nistaqsu d-domanda b'mod dirett. Meta konna nispiċċaw b'din id-dilemma, allura konna nfittxu r-risposti tagħna b'mod ieħor.
Mhux l-ewwel darba li konna ninzertaw xi ġurnata sabiħa li waqt mixja qalb in-natura konna nispiċċaw naqtaw il-lellux. U miskina din il-povra lelluxa li fuqha kien jiddependi d-destin tal-imħabba tagħna. Konna nibqgħu mexjin u naqtgħu petala wara petala... tħobbni.... ma tħobbnix....tħobbni....ma tħobbnix. U mal-aħħar petala kienet tinqata' s-sentenza u nieħdu r-risposta li konna nistennew.
Imma fuq kollox, ma kienetx tkun l-ewwel darba li jekk ir-risposta li naslu għaliha mhux dik li xtaqna, konna mmorru dritt naqtgħu lelluxa oħra, u nerġgħu nibdew...tħobbni.... ma tħobbnix....! Imn'alla din il-fjura kienet tkun bil-bosta, għax kieku konna nagħmlu ħerba naturali.
Bosta bniet kienu jsibu soluzzjonijiet oħra sabiex jippruvaw jqabblu min jista' jkun il-maħbub futur tagħhom. Niftakar meta fuq tal-linja l-antiki, kienu bosta jużaw il-biljett ħalli bil-kombinazzjoni tan-numru tas-serje jħarbxu xi inizzjali u dik forsi tħebbirhom min jista' jkun.
Dan kollu kien ikompli jżid fid-doża tal-imħabba li kienet tkun tiġri fl-arja, u fejn sħabek kont tipprova jew tilgħabha tal-cool u li għandek tfajliet bil-bosta jiġru warajk, jew inkella li dawn l-affarijiet ma jagħmlux bik. Dan kollu flok turi lil kulħadd li dawk il-ġranet kont mxennaq aktar mis-soltu għal xi bewsa minn mara, li għal darba ma tkunx ommok!
U meta tikber, u żmien il-lellux kien ikun spiċċa u m'għadekx temmen fih, allura ridt tfittex metodi oħra. Ridt tkabbar l-kuraġġ u tiprova tagħmel pass, imqar bil-moħbi. U dan kien iwassal sabiex tixtri kartolina u tiktibha bil-moħbi anke minn tad-dar, u tlestiha ħalli tara kif ser twassalilha. Importanti li kont tħalliha anonima, ħalli tħalliha taħseb min seta' kien dak il-maħbub misterjuż. Minn hawn u minn hemm kont tiprova titkixxef l-indirizz ta' fejn toqgħod. Ma kelna l-ebda mezzi oħra. Jew tiġri warajha u tara f'liema dar dieħla, jew inkella tistaqsi lil xi ħadd, ħalli dak jistaqsi lil oħra, ħalli dik twassal l-messaġġ. U kif ikollok l-indirizz tmur u titfaha int dirett fil-letterbox, ħalli lanqas il-pustier ma jmissha... u fuq wara tal-envelop tfaqqalu SWALK kbira!!
Dan kien iwassal sabiex fil-letterbox tad-dar, missierek kien isib envelop aħmar mdaqqas qalb il-posta, u li bil-mistħija kont taħtafulu minn idejh u taħrab bih ġo kamartek. Envelop miksi bews u marki ta' lipstick ifuħ u ħafna kitba romantika ma' kull kantunieta. Il-kartolina kienet tkun mimlija kliem ħelu li jinżillek għasel ma' kull strofa, u qalbek kienet tibda' tħabbat sitta sitta, waqt li moħħok għaddej bil-mija jiprova jaħseb min hi dik it-tfajla miġnuna daqsekk warajk.
Kont immur niltaqa' ma sħabi u minn seba' mili 'l bogħod kont inkun nidher li moħħi fis-sħab għax kont naf li hemm xi ħadd mitluf warajja. Sħabi kienu jindunaw ukoll, u jibdew elf mistoqsija x'ġara u x'kitbitli. Il-fantasija kienet tiber tant li xi ħadd kien diġa qed jarana niżżewġu, avolja din il-proxxmu fuq kollox lanqas kont għadni biss naf min hi!
Dan kollu sakemm xi ħadd jitkellem fuq dettall partikulari li sa dak il-ħin kont inkun għadni ma tkellimtx fuqu, u minn hemm nintebaħ li dan kollu ma kien xejn ħlief naqra ġbid tas-saqajn minn sħabek hekk kif jindunaw li m'għandek lil ħadd, imma fl-istess ħin interessat f'xi ħadd, u għal mistħija kont tibqa' żżomm lura.
M'hemmx x'tagħmel iċ-ċajta din id-darba ġiet fuqi, u sħabi kollha daħku daħka tajba minn fuq dahri...dan kollu sakemm nasal id-dar u missieri jgħidi li mal-posta kien hemm kartolina oħra...
Tgħidlix??
Comments
Post a Comment