Niftakar meta kien żmien li kif tidħol ġo ħanut tax-xorb kont issib dawn il-kaxxi, b'logħob li kienu jġibulek għajnejk wara widnejk! Għal dak iż-żmien kienu popolari u ħafna qabel bdew il-logħob tal-Playstation u oħrajn li stajna nilgħabuhom d-dar, dawn kienu l-unika ħaġa ta' sfida ma sħabna! Il-grafika tagħhom kienet iġġennek bid-dettal.
Konna narawhom realistiċi ħafna u l-ħsejjes vibranti li kienu joħorġu minn dik il-kaxxa ma stajtx ma ddaħħalx idejk fil-but u tilgħab logħba... imqar waħda. Dawn l-istess kaxxi kienu jaffaxxinawni minn meta kont żgħir, tant li kienu l-kawża ta' farrett ċkejken fuq geddumi meta sabiex inlaħħaq ma waħda spiċċajt ħadtha għal wiċċi minn fuq banketta twila aktar minni. Pero, dik storja oħra.
Dawn il-kaxxi kont dejjem issibhom f'xi każin li ħafna drabi kien ikollok avviż minn tad-dar biex ma tersaqx l' hemm. Ma nafx, imma post hekk kellu timbru li hemm tista' tidħol f'xi vizzju jew issib kumpanija ħażina. Dejjem hekk smajna u qisu l-unika post fir-raħal li ridt twarrab. Sadanitant, dan il-post qatt ma kien nieqes minn nies, maġġor parti tagħhom rġiel, u jekk kien ikun hemm mara, għid li kienet tkun xi waħda qalila daqshom u li pratikament konna nsibuha mara-raġel għal karattru zorr jew raff tagħha. Nofshom jistrieħu mal-bar iniżlu flixkun wara l-ieħor tal-birra, fil-waqt li jlaqqtu dawk l-erba' plattini bi ftit ħobż żgħir bil-kunserva u ħafna melħ, imservi qisu platt tad-deheb, meta fil-fatt kien ikun lixka ħalli tixrob aktar!
L-ambjent kien ikun dejjem l-istess. Kamra mhux mdaqqsa kollha daħna tas-sigaretti, li ħafna drabi kienet teħel miegħek qisha qarnita u tkun hi l-kawża li tad-dar jindunaw li mort f'dak il-post. Għax jew hekk jew inkella jibdew jaħsbu li bdejt tpejjep bil-moħbi, u kont taqlaha mod ieħor!
Fil-kantuniera kont issib dawn il-kaxxi, u jien u sħabi konna mmorru dritt għalihom. Fuq waħda minnhom kien dejjem ikun hemm xi waħda ta' Strip Poker. Din pratikament dejjem kienet tkun okkupata minn wieħed xiħ li din il-kaxxa ma nafx kemm bellalha flus, forsi xi darba jara ċ-Ċiniża li tidher fil-grafika tal-logħba b'sidirha barra. Ħaġa li kienet tiġri kull elf qamar, u mitluf fis-sigaretti u xorb li kien jixrob, probabilment kien spiċċa jemmen li dik it-tfajla teżisti tassew ġo dik il-kaxxa. Sinċerament kont nitħassru, għax kien persuna li kien sinonimu ma' dik il-kaxxa, u niddubita jekk qattx rajtu mhux quddiemha.
Imsomma, aħna ż-żgħar (dak iż-żmien) konna mmorru għal kaxxa l-oħra - Street Fighter. Konna pika waħda bejnietna min ser jirnexxielu javvanza l-aktar. Ken jew Ryu u konna nitqatlu ma kull ostaklu li kien isib fit-triq. Nagħmlu ħerba tista tgħid. Kienet l-unika ġlieda li konna nidħlu għaliha bir-ras Konna drajna l-mossi klassiċi... il-Hadouken, jew xi Shoryuken u fuq kollox Tatsumaki...almenu wara ħafna dawrien ta' joystick u elf daqqa fuq il-buttuni tal-kaxxa, konna nisimgħu dawn il-kliem kif il-karattru joħroġ b'xi daqqa ta' barra minn hawn u jmidd lil avversarju tiegħu.
Konna nintilfu f'imħatra wara l-oħra sakemm xi ħadd li jġib l-għola punteġġ u jniżżel ismu fit-top 10 bħala MMM, jiddeċiedi li sar il-ħin u li konna ilna ħafna hemm. Probabilment kienet tiġri sabiex ma jagħti ċans lil ħadd jilgħab warajh u jkollu ċans jegħleb l-iskor tiegħu.
Għal dakinhar dak kien kollox, u konna nerħulha 'l bogħod minn hemm qabel jarana xi ħadd minn tad-dar. Sadatant, ix-xiħ kien ikun għadu fuq il-kaxxa l-oħra.
Minn hemm għal erba' pastizzi, u wara ġirja sal-Belt...
Comments
Post a Comment